It-telespettaturi u kull dilettant u protagonista fid-dinja taċ-ċinema, matul il-lejl, se jassistu għall-akbar serata fil-kalendarju tal-ispettaklu – is-96 edizzjoni tal-premjazzjoni tal-Academy Awards, jew Oscars, li jingħataw lill-protagonisti u nies oħrajn li distingwew ruħhom l-aktar f’din l-industrija tul l-aħħar 12-il xahar.
L-Oscars huma l-aktar unur prestiġjuż li jistgħu jingħataw mingħand l-aktar nies influwenti ta’ Hollywood u meta dawn iċ-ċerimonji ilhom isiru mill-1929. Dan meta l-Academy of Motion Picture Arts and Sciences, ibbażata f’Los Angeles (fl-Istati Uniti), kull sena tinnomina u tippremja lill-protagonisti f’aktar minn 20 kategorija tal-films – u bl-aktar Oscars prestiġjużi jingħataw lill-aqwa produzzjoni (film) ċinematografika, kif ukoll lill-aħjar attur u attriċi f’parti ewlenija.
Filwaqt li aktar qabel saru ċerimonji oħra għall-premjazzjoni tal-unuri lill-atturi u d-diretturi taċ-ċinema – fosthom il-Golden Globes u l-Baftas – il-premazzjoni ta’ Oscar tibqa’ l-akbar rikonoxximent li attur, direttur, produttur jew kompożitur ta’ soundtrack għall-film jistgħu jirċievu tul il-karriera….Premjijiet li jiddependu fuq il-vot tal-membri tal-imsemmija Akkademja tal-Films.
Il-film Oppenheimer, tad-direttur Christopher Nolan, mistenni jiddomina s-serata organizzata fid-Dolby Theatre ta’ Hollywood (f’Los Angeles) meta għandu xejn anqas minn 13-il nominazzjoni – fosthom għal Cillian Murphy fil-kategorija għall-aqwa attur f’parti ewlenija u Emily Blunt, bħala attriċi f’parti sekondarja għall-istess film.
Madankollu, mistennija wkoll kompetizzjoni qawwija mill-films Barbie, Past Lives, American Fiction, Anatomy of a Fall, Poor Things, The Holdovers, Maestro u The Zone of Interest.
Is-serata tal-Oscars din is-sena se titmexxa mill-preżentatur tat-televiżjoni Jimmy Kimmel, li hu wkoll magħruf ħafna bħala awtur, produttur u komiku.
//= $special ?>