Lokali

“Naspira biex il-Malta u Għawdex ta’ għada jkunu aħjar minn dawk tal-lum” – Lee Bugeja Bartolo

“Jien minix persuna li naqta’ qalbi faċilment. Noħlom, naspira u lest biex naħdem sabiex il-Malta u Għawdex ta’ għada jkunu aħjar minn dawk tal-lum.”

Kien dan li qal il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Lee Bugeja Bartolo waqt attività politika li saret dalgħodu fi Ġnien l-Istazzjon, Birkirkara.

Kien hawnhekk fejn Bugeja Bartolo wiegħed li jiġri x’jiġri huwa se jaħdem favur pajjiżna kemm lokalment u anke barra minn xtutna fl-Unjoni Ewropea.

“Nemmen li Malta għandha tkompli tieħu rwol ewlieni fin-negozji ta’ paci u sigurta fir-reġjun Mediterran filwaqt li tassigura access għal-mezzi tad-difiza,” qal Bugeja Bartolo. “Nemmen li Malta ghandha tieħu ħsieb li ż-żagħżagħ ikollhom d-dritt għal saqaf fuq rashom ladarba jaħmdu, bil-għaqal u ta’ kondotta tajba. Nemmen li Malta tista’ tibni b’mod għaqli, intelliġenti u b’sens estetiku. Nemmen dan kollu filwaqt li ngħati kelmti li bl-għajnuna ta‘ Alla u tagħkom naħdem sabiex din il-gzira zgħira tagħna f’nofs il-Mediterran tkun isbaħ u aqwa.”