Fit-tieni jum taż-żjara statali fil-Ghana, il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella żaru l-isptar HopeXchange, li nbena, u għadu jiġi parzjalment iffinanzjat, permezz tad-donazzjonijiet ġenerużi tal-poplu Malti kif ukoll ta’ fondi mill-gvern ta’ Malta.
Mario Cappello, President u Fundatur, spjega lill-President u lis-Sinjura Vella li l-isptar HopeXchange, li beda jopera f’Ġunju tal-2016, joffri kura klinika lil dawk fil-bżonn, jeduka lit-tobba, lill-infermiera u lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa, kif ukoll jisponsorja riċerka kollaborattiva avvanzata. Il-President faħħar u rringrazzja lis-Sur Cappello għall-inizjattiva tiegħu biex iwaqqaf din il-faċilità u lill-istaff għall-ħidma eċċellenti tagħhom ma’ aktar minn 60,000 pazjent fis-sena.
Il-President Vella stqarr li kien impressjonat ħafna bil-faċilitajiet li joffru servizz importanti ħafna lill-komunità. Il-President qal li dan huwa sinjal kostanti tal-ġenerożità tal-poplu Malti.
F’Kumasi, il-President u s-Sinjura Vella kellhom udjenza mal-Mexxej Tradizzjonali tal-Ashanti, Otumfuo Osei Tutu II fil-Palazz ta’ Manhyia.
Il-President Vella enfasizza r-relazzjonijiet fit-tul u eċċellenti, ikkaratterizzati minn bosta żjarat u laqgħat ta’ livell għoli matul is-snin. Waqt il-laqgħa, il-President innota li “d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jiftaħ l-ewwel rappreżentanza diplomatika sub-Saħarjana tiegħu fil-Ghana tikkumplimenta l-viżjoni ta’ Malta li ttejjeb ir-relazzjonijiet u s-sħubija tagħha ma’ pajjiżi Afrikani individwali u mal-Afrika kollha kemm hi”.
Il-President Vella u l-Mexxej Tradizzjonali tal-Ashanti Otumfuo Osei Tutu II qablu li ż-żewġ pajjiżi huma interessati li jkomplu jsaħħu r-relazzjoni tagħhom. Il-President Vella spjega li Malta ħadet l-impenn sħiħ li tagħti prijorità lill-kuntatti bejn il-popli. Huwa qal, “Ser inkomplu nistinkaw u nimbuttaw għal kooperazzjoni sinifikanti u tanġibbli mal-Ghana, mhux biss fil-livell politiku iżda wkoll billi niffaċilitaw l-iskambji bejn is-settur privat u s-soċjetà ċivili ta’ Malta u tal-Ghana”.
Filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa li l-iżvilupp taż-żgħażagħ u l-impjiegi jitpoġġew fuq nett tal-aġenda, il-President Vella qal li “Malta hija wkoll impenjata bis-sħiħ li tagħti prijorità lill-iskambji bejn il-popli fil-qasam tal-edukazzjoni”.
Is-settur privat, qal il-President Vella, ukoll għandu kontribut x’jagħti għall-iżvilupp u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna. Bħalissa, hemm aktar minn 20 kumpanija bbażata f’Malta li joperaw fil-Ghana jew li jesportaw lejha f’diversi setturi – prodotti tal-ikel, tessuti u oġġetti mmanifatturati, u servizzi finanzjarji.
//= $special ?>