L-ex Ministru Aaron Farrugia aċċetta li jkun maħtur Rappreżentant Permanenti Malti fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzonali (IMO) kontra l-parir tal-Kummissarju għall-Istandards.
In-nomina ta’ Aaron Farrugia kienet diskussa fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi li fih il-gvern kien rappreżentat mill-Ministru Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat Laburista Amanda Spiteri Grech. L-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalisti akrol Aquilina u Adrian Delia. Il-kumitat kien immexxi mid-Deputat Labruista Chris Agius.
In-nomina ta’ Aaron Farrugia kellha kontroversja marbuta magħha għall-fatt li hu se jibqa’ jżomm il-kariga tiegħu ta’ deputat Laburista. Dan imur kontra l-parir li ta l-Kummissarju għall-Istandards li kkritika l-fatt li deputati jibqgħu jingħataw karigi mill-gvern u jżommuhom it-tnejn.
Mistoqsi dwar il-fatt li ftit ilu hu kien ministru u l-parir tal-Kummissarju għall-Istandards li deputati ma jkollhomx karigi oħra mill-gvern, Aaron Farrugia qal li hu konxju ta’ dan iżda l-mudell ta’ Malta hu partikolari ħafna. Hu semma’ l-ambaxxaturi Amerikani li ma jkunux ħadmu fil-korp diplomatiku iżda jkunu jaħdmu viċin il-President Amerikan li jkun elett.
Mistoqsi jekk jaqbilx mal-proposta tall-Kummissarju għall-Istandards, l-ex ministru Laburista qal li ma jaqbilx għaliex il-parlament Malti għadu mhux full-time.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li din hi ċirkostanza partikolari għaliex f’daqqa waħda issa, ex ministru, se jkun rappreżentant tal-gvern waqt li għadu u se jibqa’ deputat tal-gvern. Hu staqsa jekk Aaron Farrugia kellux jieħu deċiżjoni differenti minn dik li ħa.
L-ex Ministru Farrugia qal li l-opinjoni tal-Kummissarju għall-Istandards irid ikun ikkunsidrat bl-aspett ta’ proposti oħra li qed jipproponi l-gvern. Hu qal li ma jaqbilx li din il-pożizzjoni tiegħu tidher ħażina anzi kien hemm min fl-industrija marittima kien sodisfatt b’din il-kariga.
Karol Aquilina sostna li apparti s-settur marititmu, l-ebda settur ieħor ma kien qed jitkellem favur din il-kariga. Hu ġab l-eżempju tal-ex deputat Laburista Manwel Mallia li kien fehem din is-sitwazzjoni u kien irriżenja minn deputat meta nħatar ambaxxatur. Il-Kummissarju għall-Istandard kien espriema opinjoni li din is-sitwazzjoni għandha tinbidel.
Dwar dan, l-ex Ministru Farrugia qal li jeħtieġ li jkun hemm bidla fil-mod kif jopera l-parlament u għalhekk il-bidliet iridu jkunu kkunsidrati b’mod ħolistiku. Hu qal li jemmen li l-kariga tiegħu hi skont ir-regoli.
Karol Aquilina staqsa lill-ex Ministru Farrugia jekk għandux jagħmel pass lura f’dan il-mument anki wara li kien hemm żewġ Kummissarju għall-Istandards li qalu li dawn il-proċeduri huma żbaljati. Il-Kummissarju kien anki appella lill-gvern biex ibiddel il-liġi iżda l-gvern m’għamilx dan il-pass.
L-ex Ministru Farrugia qal li ma jħossx li għandu jagħmel pass lura iżda appella biex ikun hemm il-bidliet neċessarji li tkellem dwarhom il-Kummissarju għall-Istandards.
Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li għandu dubju kemm il-kariga ta’ deputat u ta’ Rappreżentant Permanenti fl-IMO jmorru flimkien.
Il-membri tal-gvern ivvotaw favur din in-nomina waqt li l-membri tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra.