Lokali

“Għandna sistema li ma tipproteġix lill-vittmi” – Il-Lobby Malti tan-Nisa

Ninsabu frustrati għaliex għandna sistema mfarrka li qed tixħet il-ħtija fuq il-vittmi – l-aħħar każ traġiku ta’ att ta’ vjolenza illi seħħ fil-Marsa jfakkarna fit-theddid qawwi li jaffaċċjaw persuni fid-djar tagħhom, fejn saħansitra ma jkunux siguri fil-kenn ta’ darhom stess.

Sostna dan il-Lobby Malti tan-Nisa, b’reazzjoni għall-każ li seħħ is-Sibt waranofsinhar fil-Marsa fejn tifla ta’ 12-il sena sofriet 17-il daqqa ta’ sikkina mis-sieħeb ta’ ommha.

It-tifla preżentament għadha qed tissielet bejn ħajja u mewt, filwaqt li oħtha – ta’ 15-il sena – sofriet ġrieħi gravi f’idejha. Ħuhom ta’ 14-il sena spiċċa sofra xokk qawwi sforz it-trawma li ra quddiem għajnejh.

Il-Women’s Lobby saħaq li dan l-inċident wera t-theddida li jgħaddu minnha diversi bniet u nisa fis-soċjetà tagħna. Dan filwaqt li ġie spjegat li huwa allarmanti l-fatt li l-aggressur ta’ 43 sena minn Bormla – kien diġà tressaq il-Qorti akkużat li hedded kemm lis-sieħba kif ukoll lil bintha. Madanakollu, għaliex allegatament il-vittmi beżgħu, għażlu li ma jixhdux kontrih.

Il-Bormliż kien ġie illiberat minn kull akkuża. Il-Lobby ddeskriviet dan bħala każ li jikxef l-urġenza ta’ tibdil fil-framework legali ta’ pajjiżna sabiex ikun verament wieħed intiż li jgħin u jagħti sostenn lill-vittmi.

Dan filwaqt illi ntqal li ħafna drabi vittmi ta’ vjolenza domestika jibżgħu jixhdu; iżda xorta waħda jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ddisprata.

Għaldaqstant il-Women’s Lobby insista li l-Maġistrati għandhom aktar jiffokaw fuq kif se jkunu qed jgħinu lill-vittmi u li jekk dawn jibżgħu jixhdu għandhom jipproċedu xorta waħda bil-każ.

Intant, il-Pulizija qed tkompli tinvestiga l-każ…bil-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak qed imexxi l-Inkjesta Maġisterjali.