Lokali Qorti

Ħaddiema fis-sit fejn tilef ħajtu Jean Paul Sofia li waqa’ f’sekondi ma kellhomx idea dwar kostruzzjoni

Erba’ ħaddiema li kienu qegħdin jaħdmu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni fejn miet iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia ma kellhomx idea ta’ kif isir ix-xogħol. Tlieta minnhom qalu li qatt ma kienu ħadmu f’dan ix-xogħol filwaqt li wieħed minnhom qal li kellu xi esperjenza f’pajjiżu, fejn l-kostruzzjoni hi ferm differenti minn dik ta’ Malta u li meta wasal f’dawn il-gżejjer kien ħa kors ta’ nofs ta’ nhar.

Dawn il-ħaddiema kienu tliet Albaniżi u ieħor mill-Montenegro. Ir-raġuni wkoll li s-sit spiċċa biex waqa’ f’temp ta’ erba’ u ħames sekondi lanqas kien marbut sew filwaqt li l-Perit Adriana Zammit jidher li lanqas biss kienet tersaq lejn is-sit.

Raġuni waħda għall-kollass tal-ħajt dobblu kien kien li dan kien twil u għoli aktar minn suppost u ma kienx oħxon biżżejjed. Sadanittant Matthew Schembri, wieħed mill-akkużati lanqas kien jifhem fil-kostruzzjoni u għalhekk lanqas biss seta’ jiggwida lill-ħaddiema fuq ix-xogħol li kienu qegħddin jagħmlu.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-espert Alex Torpiano quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra tliet irġiel u żewġ nisa, li qed iwieġbu mhux ħatja tal-omiċidju involontarju taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, li miet fl-età ta’ 20 sena f’kollass ta’ kostruzzjoni f;Kordin. Preżenti fl-awla kien hemm Isabelle Bonnici, omm il-vittma Jean Paul Sofia.

Is-sit li kien proġġetat li jsir fabbrika tal-injam kellu diversi difetti fid-disinn strutturali u xogħol ħażin, ikkonkluda espert tal-qorti. Diversi partijiet tal-binja f’Kordin ma kinux marbuta flimkien bil-metall kif inhu normalment il-każ, innota l-Perit Alex Torpiano.

Barra minn hekk, l-espert tal-qorti sab li d-disinji pprovduti mill-perit ma kinux jinkludu struzzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-azzar meħtieġ. Sofia nqatel f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni f’Diċembru tal-2022, wara li bini ta’ tliet sulari li kien qed jaħdem fih waqa’ waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Matthew Schembri ta’ 38 sena, Direttur tal-kumpanija, minn Birkirkara; Kurt Buhagiar ta’ 39 sena impjegat min-Naxxar; Adriana Zammit, 35 minn Ħaż-Żabbar, li hija perit, Milomir Jovicevic ta’ 39 sena, Direttur fil-kumpanija tal-kostruzzjoni ma’ martu Dijana ta’ 39 sena, t-tnejn tal-kumpanija Milmar Construction Ltd. qegħdin iwieġbu mhux ħatja ta’ qtil involtarju ta’ Jean Paul Sofia.

Dak inhar ħamest irġiel, tliet Albaniżi, Malti u Bosnjan kienu ġew salvati minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Il-Perit Torpiano qal meta għamel ir-rapport qies diversi ipoteżi dwar x’seta’ kkawża l-kollass, u li huevalwa xenarji differenti.

Il-perit li xehed fit-tul beda jfiehem lill-Qorti r-rapport li huwa għamel minn fuq il-pjanta tal-binja ħa nota wkoll li l-maġġoranza tal-materjal ma waqax ġewwa s-sit, iżda barra minnu, partikolarment fuq in-naħa tal-punent tas-sit. “Dan ifisser li l-mekkaniżmu rilevanti kien wieħed li tefa’ l-ħajt tal-punent ‘il barra.”

Huwa qal ukoll li għalkemm il-materjal li ntuża seta’ kien parti mill-problemi li wassal għall-kolass tal-binja huwa ma setax jikkonferma dan minħabba li ma hemm l-ebda standards f’Malta fuq it-tip ta’ materjal, standards li jeżistu fl-Ewropa.

Qal li l-evidenza wriet li l-mekkaniżmu tal-kollass beda fuq il-ħajt twil. Huwa sab ukoll li l-kalkoli jikkonfermaw li minħabba l-għoli tal-ħajt li waqa’, it-tul tal-istess ħajt bejn il-ħitan ta’ quddiem u ta’ wara, kif ukoll in-numru ta’ fetħiet kbar fl-istess ħajt u, mhux l-inqas, il-fatt li l-ħitan doppji ma kinux marbuta, u skond l-espert, il-ħajt tal-punent ma kienx stabbli, u seta ‘waqa’ fi kwalunkwe ħin.

Meta dan il-ħajt beda jisporġi ‘il barra, aktarx b’mod orizzontali bejn it-twieqi ta’ isfel, fil-pjan terran, u t-twieqi ta’ fuq, aktarx fil-parti ċentrali tal-istess ħajt, ma kien hemm xejn li jwaqqaf il-ħajt milli jkompli jaqa’ għal kollox.

Fuq wara, kien hemm xi rabtiet mal-ħajt ta’ wara, u għalhekk xi sulari baqgħu f’posthom. Fuq quddiem, fejn kien hemm żewġ fetħiet enormi, fuq għoli ta’ 5.4 metri, ma kien hemm xejn li jista’ jifred il-ħajt, u għalhekk waqa’ kollox.

Fin-nuqqas li tgħaqqad il-ħitan, permezz tat-tisħiħ tas-saqaf, bejn l-istess ħajt u l-qalba tat-taraġ u l-lift, ma kien hemm xejn biex iwaqqaf il-ħajt milli jiġġarraf totalment. U, hekk kif waqa’ l-ħajt, waqgħu s-soqfa kollha.”

Il-konklużjonijiet tal-inkjesta jissuġġerixxu li l-ħajt tas-sit tal-kostruzzjoni waqa’ ftit mumenti qabel ma beda jiġġarraf is-saqaf. “Dan huwa konformi mal-ipoteżi li l-kollass ma kienx wieħed intern, mis-saqaf, għax inkella l-konkos frisk kien jiġġarraf lejn in-nofs.”

Ritratti ppreżentati fl-awla mill-Perit Torpiano juri li l-ħitan doppji ppjanati ma kinux marbuta flimkien, kif meħtieġ f’xogħol tajjeb. “Dan in-nuqqas għandu sinifikat strutturali, għaliex, f’termini ta ‘ebusija laterali, ħajt doppju marbut flimkien huwa erba’ darbiet aktar b’saħħtu minn żewġ ħitan mibnija ħdejn xulxin,” qal ix-xhud.

Aktar ritratti wrew li l-vireg tal-metall li fuqhom jitqiegħed il-concrete la kienu marbuta mal-istrutturi rispettivi, u b’hekk tnaqqas ir-‘reżiljenza’ tal-bini f’każ ta’ inċident. L-inkjesta tindika wkoll ;spreader beam’ imsemmi fil-pjanti ta’ kostruzzjoni mfassla mill-perit. Madankollu, dak li kien nieqes kienu struzzjonijiet biex it-travu tal-;ispreader’ jintrabat mal-vireg tal-metall bejn it-tabelli tal-konkos.

Peress li l-istruttura ta’ barra ma kinitx ‘magħquda’ flimkien kif suppost, il-pressjoni mill-pjanċi tal-konkos ta’ fuq kienet timbotta l-ħitan ‘l barra. Il-fatt li ma kienx hemm sistema ta’ interlocking li jorbtu l-ħitan ma’ partijiet oħra tal-istruttura kien ifisser li mal-mument li ħajt wieħed beda jiġġarraf, is-sit kollu kien se jinżel miegħu.

Sofia kien impjegat mill-kumpanija ta’ Schembri WhiteFrost Ltd., li apparentement ma kellha l-ebda rabta mal-proġett ta’ kostruzzjoni għajr il-fatt li kumpaniji oħra ta’ Schembri, AllPlus Limited, kienet l-iżviluppatur.

Il-ħamsa qed jiġu mixlija ukoll li kkawżaw il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u b’feriment ta’ ħames ħaddiema oħra, identifikati bħala Vladimir Laketic, Gentjan Carku, Lulzim Carku, Denis Carku, u Sammy David Curtis u li b’negliġenza kkawżaw ferita gravi lill-istesss ħames ħaddiema.

Il-Perit Adriana Zammit waħedha qed tiġi mixlija li naqset mid-dmir tagħha li twettaq xogħlijiet fuq il-proprjetà skont l-aħjar prattiċi u standards tal-industrija għall-ħarsien tal-ambjent u ż-żoni immedjati, l-utenti tagħha u l-pubbliku ġenerali.

L-iżviluppatur Matthew Schembri waħdu hu akkużat b’falsifikazzjoni ta’ dokument pubbliku jew kummerċjali awtentiku, permezz ta’ falsifikazzjoni tal-firma ta’ wieħed bl-isem ta’ John Muscat fuq l-Avviż tal-Bidu fis-sit tal-bini, li xjentement għamel użu mid-dokument falsifikat imsemmi, li xjentement ta informazzjoni falza lil awtorità pubblika sabiex jikseb vantaġġ jew benefiċċju għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor; u tagħmel it-tieni falsifikazzjoni jew użu ta’ Avviż ta’ Bidu falsifikat ieħor.

Schembri u Kurt Buhagiar flimkien, fil-kapaċitajiet personali tagħhom u bħala diretturi ta’ Allplus Limited u Schembri bħala direttur ta’ White Frost Company Limited u Milomir Jovicevic fil-kapaċità personali tiegħu u bħala direttur ta’ Milmar Construction Ltd u Dijana Jovicevic bħala direttur ta’ Milmar Construction Ltd, huma akkużati li naqsu mid-dmirijiet tagħhom bħala impjegaturi biex jiżguraw is-sigurtà tal-impjegati tagħhom, billi naqsu milli jieħdu l-ħsara fiżika jew mewt meħtieġa fuq il-post tax-xogħol.

L-avukati Joe Giglio u David Bonello qed jirrappreżentaw lil Isabelle Bonnici u John Sofia, il-ġenituri tal-vittma, bħala parte civile. Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jirrappreżentaw lill-iżviluppaturi, Kurt Buhagiar u Matthew Schembri. Steven Tonna Lowell qed jirrappreżenta lill-perit Adriana Zammit.

L-Avukat Timothy Bartolo qed jirrappreżenta lill-kuntrattur Miromir Jovicevic u lil martu, li hija direttur tal-kumpanija ta’ Jovicevic, Milmar Construction. L-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri qed imexxu l-prosekuzzjoni. Il-kumpilazzjoni misennija tkompli nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Marzu fejn mistennija jixhdu numru ta’ tobba.