Lokali

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi jibqa’ ma jammettix li żbalja – ma jridx jerfa’ responsabbiltà politika

Mhux kapaċi jgħid kemm kien hemm ħaddiema mal-BCA f’Diċembru 2022

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi li sa Jannar kien qed jokkupa l-pożizzjoni ta’ Ministru responsabbli mill-Ippjanar u b’mod mill-aktar ironiku issa spiċċa Ministru tal-Lands – ma jridx jerfa’ responsabbiltà politika wara l-eżitu tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

It-Tnejn waranofsinhar, Net News staqsa lill-Ministru nnifsu x’qed jistenna biex jerfa’ responsabbiltà politika għan-nuqqasijiet li wettaq – bi Zrinzo Azzopardi jibqa’ jinsisti li mhux se jirriżenja.

F’paġna 405 il-bord tal-inkjesta sab lill-Istat, ċioè lill-Gvern ta’ Abela, responsabbli li ma żammx għajnejh miftuħa għat-tawħid tal-Eżekuttiv – f’dawk li ġew deskritti bħala żbalji ħoxnin.

Il-Ħamis, se tiġi diskussa l-mozzjoni tal-PN sabiex il-Ministri Miriam Dalli, Silvio Schembri u propju Zrinzo Azzopardi jirriżenjaw. Madanakollu l-Ministru minflok ikun ta’ eżempju u jieħu pass lura, bħal ma’ proprju għamlu dawk li kienu jmexxu l-entitajiet li uħud kienu jaqgħu taħtu….irid jibqa’ jagħmel li jgħid hu.

Dan minkejja li fix-xhieda li kien ta l-eks Kap Eżekuttiv tal-BCA Karl Azzopardi fejn taħt ġurament kien stqarr li Zrinzo Azzopardi fil-bidu tad-dekasteru tiegħu, ċioè 9 xhur qabel il-jum traġiku li fih miet Jean Paul Sofia, ma riedx iżid il-ħaddiema fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni.

Sal-lum il-ħaddiema, skont il-Ministru żdiedu bi ħdax…biex issa hemm għoxrin ħaddiem. Madanakollu ma kienx kapaċi jgħid għal kemm kienu jammontaw il-ħaddiema f’Diċembru 2022.

Mistoqsi għal darb’oħra jekk hux se jerfa’ responsabbiltà politika, Zrinzo Azzopardi insista li l-inkjesta tkelmet b’mod ċar.

L-istess mod ta kif iswed fuq l-abjad ikkonkludew diversi inkjesti oħrajn, fejn l-ebda Deputat Laburista ma’ refa responsabbiltà u wera maturità politika.

Intant, il-mozzjoni li se tiġi preżentata nhar il-Ħamis mill-Partit Nazzjonalista qed titlob ukoll sabiex il-Parlament jagħmel apoloġija lill-familja ta’ Jean Paul Sofia. Apparti minn hekk, il-PN qed jitlob biex fi żmien 6 xhur…ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika jiġu implimentati, u biex kull erba’ ġimgħat jitressaq interim report dwar il-progress li qed isir.