Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali tiċħad appell ta’ Alfred Degiorgio fuq ‘phone tapping’

Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell ta’ Alfred Degiorgio b’rabta ma’ kawża li kien fetaħ f’Mejju tal-2018 kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, biex provi marbuta mal-ġbir ta’ informazzjoni minn mezzi ta’ komunikazzjoni fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru 2017, jiġu ddikjarati inammissibli.

Fil-każ kien ġie attakkat il-kunċett tal-‘phone tapping’. F’sentenza mogħtija f’Mejju 2022, il-Qorti ċaħdet ir-rikors fejn qalet li Degiorgio li qed jiskonta flimkien ma’ ħuh 40 sena ħabs fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kellu jressaq l-oġġezzjoni tiegħu fil-Qorti Kriminali, u mhux jiftaħ kawża kostituzzjonali.

Il-Qorti kienet qalet li Alfred Degiorgio għandu l-opportunità li jqajjem l-oġġezzjonijiet għall-provi quddiem il-Qorti Kriminali u dan permezz ta’ eċċezzjonijiet preliminari. Għalhekk qalu li f’dan il-każ naqas milli jagħmel użu mir-rimedji ordinarji li tagħti l-liġi u li l-Qorti għandha tirrifjuta li tikkunsidra l-ilment tiegħu

Żiedet li għalkemm huwa minnu li llum l-aċċess b’mod indiskriminat għad-data ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni għandu jiġi pprojbit għax jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, madanakollu f’dan il-każ għandha tapplika dik id-deroga maħsuba fid-dritt Ewropew f’każ ta’ investigazzjoni reat kriminali gravi.

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul qalet li l-għan wara l-kawża kien ovvjament sabiex ma tintużax bħala prova kontra l-attur, li kwalsiasi data li nġabret dwaru, fil-proċeduri kriminali li ttieħdu kontrih u li fihom kien akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma tintużax

Ġara però li fil-mori ta’ din il-kawża seħħ żvilupp importanti. Fil-kawża kriminali Alfred Deiorgio ammetta l-akkużi, u b’sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2022, li kkundannatu għall-perjodu ta’ 40 sena priġunerija u ħlas ta’ €42,930.70 spejjeż ta’ perizji.

L-akkużi kienu jinkludu l-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia u organizzazzjoni ta’ għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali soġġetti għall-piena ta’ priġunerija. Għalkemm appella b’sentenza tat-22 ta’ Novembru 2023 l-appell kien miċħud

Il-Qorti qalet li qed tosserva li b’digriet li ngħata fis-27 ta’ Ottubru 2022 stiednitu sabiex jiddikjara għadx għandu interess fil-kawża ġaladarba kien ammetta l-akkużi quddiem il-Qorti Kriminali u l-għan wara
l-kawża kien sabiex ċertu provi miġbura ma jintużawx.

B’nota preżentata il-11 ta’ Novembru 2022, Degiorgio iddikjara li kien għad għandu interess peress li kien appella mis-sentenza tal-Qorti Kriminali u “f’każ li dak l-appell jintlaqa’ l-proċeduri kriminali jkunu għad iridu jitkomplew”. Fil-fatt l-appell kien qiegħed jiġi differit minn seduta għal oħra sakemm jinqata’ l-appell.

Meta mbagħad il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet l-appell tiegħu, ħareġ b’raġunament differenti għalfejn kien għad għandu interess f’din ilkawża. Id-difensuri tal-attur għamlu referenza għall-kawża kostituzzjonali li hemm pendenti fil-Qorti Ċivili, Prim’Awla u qalu li dik il-kawża jista’ jkollha eżitu wkoll fuq din il-kawża

Il-Qorti rat ir-rikors ta’ dik il-kawża u li fiha l-aħwa Degiorgio, talbu dikjarazzjoni li ser ikunu leżi l-jedd fundamentali ta’ smigħ xieraq għaliex wara li l-avukat ta’ fiduċja tagħhom ma baqax jassisthom, kienu assenjati avukat mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali.

F’dik il-kawża l-ilmenti kienu li ma ngħatawx l-opportunità li jfittxu u jinkarigaw avukat ta’ fiduċja
tagħhom u lanqas ma ngħataw żmien raġonevoli biex jagħmlu hekk. L-avukati assenjati lilhom mill-Aġenzija għall-Ġħajnuna Legali mhumiex f’pożizzjoni li jassistuhom b’mod adegwat għaliex għandhom
bżonn żmien adegwat biex jippreparaw id-difiża, meħud inkonsiderazzjoni l-kwantità kbira ta’ dokumenti;
iii.

Il-ġurati mhux ser ikunu imparzjali għaliex il-każ ingħata pubbliċità f’Malta u barra l-pajjiż. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li iżda jibqa’ l-fatt li ġuri ma sarx għaliex l-attur u ħuh għażlu li jammettu l-akkużi kollha. Minkejja li appellaw u fl-appell ikkontestaw l-ammissjoni, l-appell ġie miċħud u s-sentenza tal-Qorti Kriminali ġiet konfermata.

Madanakollu l-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-kawża li għadha pendenti m’għandha x’taqsam xejn mal-ammissjoni li rreġistra Degiorgio quddiem il-Qorti Kriminali. Fil-fatt dik il-kawża nfetħet meta kien għad irid isir il-ġuri, u li eventwalment ma sarx għaliex l-akkużati ammettew għall-akkużi kollha.

Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti ddikjarat li Alfred Degiorgio m’għadx għandu interess biex ikompli bil-kawża. Filwaqt li ċaħdet l-appell, il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas l-ispejjeż.