Ir-raġel ta’ 43 sena li kien mistenni jitressaq il-Qorti t-Tnejn b’rabta ma’ daqqiet ta’ sikkina li qalgħet tifla ta’ 12-il sena nhar is-Sibt li għadda wara nofs inhar issa se jitressaq it-Tlieta, minħabba li l-interogazzjonijiet fil-konfront tiegħu fid-Depot tal-Pulizija kellhom jieqfu ħesrem peress li kellu jittieħed l-isptar Mater Dei.
Oriġinarjament huwa kellu jitressaq għall-ħabta tal-5pm. Minkejja li l-każ seħħ nhar is-Sibt wara nofs inhar, dalgħodu r-raġel ittieħed l-isptar għall-osservazzjoni minħabba li qal lill-Pulizija li kien qed iħoss uġiegħ f’sidru. Għaldaqstant il-ħin li huwa għamel l-isptar ma jiġix meqjus li kien taħt arrest.
Jekk u meta huwa jiġi liċenzjat mill-isptar għandu jittieħidlu l-aħħar statement u wara jitressaq il-Qorti. Minn informazzjoni li għandu NET News jidher li r-raġel kien taħt l-effett tad-droga waqt il-kummissjoni tad-delitt. Huwa mifhum wkoll li r-raġel huwa qarib tat-tifla. Għaldaqstant huwa mistenni jitressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.
It-tifla ta’ 12-il sena spiċċat fil-periklu tal-mewt wara li ġiet aggredita b’sikkina flimkien ma’ oħtha ta’ 15-il sena li sofriet minn ġrieħi gravi f’residenza fil-Marsa. Hija għamlet xi ħin fit-Taqsima tal-Kura Intensiva iżda l-aħħar informazzjoni tindika li issa ħarġet mill-ITU.
Il-każ seħħ fi Triq San Tumas għall-ħabta tas-siegħa u nofs tas-Sibt waranofsinhar meta allegatament ir-raġel minn Bormla daħal fir-residenza u aggredixxa liż-żewġ tfajliet fil-preżenza ta’ tifel ta’ 14-il sena. Ir-raġel ħarab minn fuq il-post, biż-żewġt aħwa ttieħdu l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard it-tifla ta’ 12-il sena ġiet iċċertifikata li ġarbet ġrieħi serji filwaqt li oħtha ta’ 15-il sena sofriet minn ġrieħi gravi.
Dan filwaqt li t-tifel ta’ 14-il sena ma sofriex ġrieħi fiżiċi iżda kellu bżonn l-assistenza għax-xokk li ġarrab. L-allegat aggressur instab aktar tard mill-Pulizija f’Bormla fejn ġie identifikat bħala Malti ta’ 43 sena residenti minn Bormla stess. Għar-raġel se jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud.
//= $special ?>