Lokali

“Ir-rapport tal-Mediterrane Film Festival hu daħka f’wiċċ il-poplu” – PN

Aktar miljuni għal tal-qalba biss

Ir-rapport tal-Mediterrane Film Festival ħareġ wara li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jistaqsi għalih b’Mistoqsijiet Parlamentari minn Lulju 2023. Minn tant ġranet, kumbinazzjoni, ir-rapport ħareġ ħelu ħelu fil-ġurnata li ħareġ ukoll ir-Rapport tal-Inkjesta Pubblika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Din kienet mossa oħra diżgustanti min-naħa tal-Gvern, li ħaseb li dan ir-rapport kien se jintilef minħabba id-diskussjoni li kienet ingħatat bidu dakinhar stess fil-Parlament.

Ir-rapport dwar il-Meditarrane Film Festival hu wieħed ta’ tħassib, fejn jerġa’ jikkonferma n-nuqqas ta’ trasparenza u akkontabilità fl-infieq eċċessiv ta’ fondi pubblici fl-industrija tal-films. Nafu li bejn wieħed u ieħor, għax tajjeb ngħidu li l-figuri imsemmija f’dan ir-rapport huma estimi u mhux il-figuri veri, ġie jiswa lill-poplu Malti u Għawdxi madwar €3.8 miljun. Mhux ċar kif u fejn intefqu dawn il-miljuni. Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għall-kontijiet propji biex umbagħad, wieħed ikun jista’ jiddiskuti u jitkellem aħjar. Jistaqsi wkoll min kienu l-249 mistednin li ġew għal dan il-festival u x’kienu t-53 xogħol li ssemmew fir-rapport.

Dan il-Mediterrane Film Festival kien aktar avveniment ta’ pompa min-naħa tal-Kummissarju tal-Films, bi spejjeż tal-poplu, għal gathering għal tal-qalba. Sabiħ li wieħed iwitti t-triq għall-ħaddiema f’din l-industrija u jinġiebu aktar films f’pajjiżna għax din l-industrija hi importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna u anke għal aktar karrieri fl-industrija. Madankollu, il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx mal-kif qed isir dan.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li għandu jkun hemm capping fuq il-cash rebate, li jkun hemm wage regulation order għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur fost oħrajn u minflok ma jberbaq flus il-poplu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech għandu juża’ l-flus biex jittranġaw it-Tankijiet tar-Rinella u jinbena s-Sound Stage li dan il-Gvern ilu jwiegħed.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni biex l-investiment li jsir fl-industrija tal-films isir fil-produzzjoni u fl-artist, fejn anke l-artist Malti jingħata kull possibbiltà li jikber mal-industrija f’Malta u f’Għawdex.

Dan intqal fi stqarrija minn Julie Zahra x-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura, Graham Bencini x-Shadow Minister għall-Finanzi u Jerome Caruana Cilia x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża.