Lokali

It-tieni edizzjoni ta’ ‘Caritas Run For Life’ nhar it-12 ta’ Mejju

It-tieni edizzjoni ta’ Caritas Run For life, se ssir fit-12 ta’ Mejju – ġirja jew mixja miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ u lura.

Caritas Malta temmen li fis-soċjetà tagħna kulħadd – tfal, adolexxenti, żgħażagħ, adulti u anzjani – għandhom il-bżonn ta’ opportunitajiet fejn wieħed jesperjenza s-sabiħ li tgħix, u tgħix il-ħajja sana ’l bogħod mis-sustanzi u dak kollu li jfixkel lill-bniedem milli jgħix bid-dinjità sħiħa tiegħu.

Waqt it-tnedija ta’ din l-attivita, Athony Gatt id-Direttur ta’ Caritas Malta semma żewġ esperjenzi partikolari li laqtuh immens wara l-attività tas-sena l-oħra; persuna li resqet fuqu u qaltlu li qatt m’għamlet attività fiżika u kienet proprju il-Caritas Run For Life li tata spinta biex tibda tiċċaqlaq u minn dakinhar baqgħet tinvolvi ruħha f’attivitajiet fiżiċi.

Anthony Gatt semma wkoll  persuna oħra, klijenta fir-riabilitazzjoni f’waħda mid-djar ta’ Caritas Malta li esprimiet kif qatt ma immaġġinat li attività sabiħa bħal Caritas Run For Life tagħtik pjaċir tassew kbir  mingħajr il-bżonn ta’ sustanzi.

Caritas Malta hija favur ħajja sana u ilha madwar 35 sena tikkumbati mar-realtà ta’ sustanzi li jaħkmu persuni fid-dipendenza. Fil-ġurnata tal-lum ukoll naffaċċjaw ir-realtà tal-kannabis u l-kokaina bħala sustanzi li qed jidħlu dejjem iktar fis-soċjetà tagħna; laxkezza li tpoġġi żgħażagħ f’riskju.

Bħalissa 58 resident qed jagħmlu programm terapewtiku residenzjali f’xi waħda mid-djar ta’ Caritas Malta. Is-sena l-oħra ’l fuq minn 750 persuna resqu għall-għajnuna flimkien ma’ l-fuq minn 550 persuna relatati ma’ xi ħadd li qed jaffaċja użu problematiku ta’ droga.

Id-Direttur ta’ Caritas temm billi  rringrazzja lil dawk il-ħafna li qed jagħtu sapport lit-tieni edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, peress li din hija attività li tinkludi ħafna loġistika u preparamenti.

Tags