Futbol Sport

Kollox inċert f’kull parti tal-klassifika ħlief għal Sirens u Gudja li komplew javviċinaw lejn relegazzjoni matematika

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Ħamrun Spartans żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier, dan wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor kbir ta’ 4-0. Kienet rebħa konvinċenti għall-Ispartans li neħħew kull pressjoni li seta’ kellhom fuqhom wara li ġurnata qabel Floriana kienu rebħu u telgħu momentanjament fl-ewwel post tal-klassifika. Il-logħba kontra Mosta ftit li xejn kien fiha storja fejn Ħamrun ħarġu aggressivi sabiex isibu l-ewwel gowl li wasal wara biss tlett minuti. L-Ispartans komplew jiddominaw u wara li qabel għalqet it-taqsima rduppjaw l-iskor, fit-tieni 45 minuta setgħu jikkontrollaw il-partita b’faċilità fejn saħansitra skurjaw darbtejn oħra mingħajr risposta. Għal Mosta din it-telfa ħalliethom punt fuq iż-żona relegazzjoni fejn issa jmisshom konfront dirett kontra Gżira United fit-tentattiv li jersqu aktar viċin is-salvazzjoni.

Joseph Mbong ta’ Ħamrun issikat minn Armen Hovhannisyan ta’ Mosta (Ritratt: Joseph Galea)

Floriana kisbu dak li kien mistenni minnhom hekk kif huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 3-0. Kienet  logħba li rat lill-Greens isibuha xi ftit diffiċli fl-ewwel taqsima, bit-tieni 45 minuta jkunu storja differenti biex huma kisbu tlett punti li bihom komplew it-taqtigħa tagħhom għar-rebħ tal-Kampjonat. Filfatt evidenti d-differenza fil-klassi bejn it-timijiet fejn Sirens dehru tim destinat li staġun ieħor jilgħab fiċ-Challenge League. Il-post ta’ qabel tal-aħħar u d-distakk mit-tim fit-tnax il-post qed jagħmel is-salvazzjoni għat-tim minn San Pawl il-Baħar bħala missjoni impossibbli. Mill-banda l-oħra dak li deher mitluf għal Floriana sa’ ftit ġimgħat ilu jidher li huwa possibbli fejn minkejja li t-triq hija waħda twila jinsabu fid-direzzjoni t-tajba.

Mattia Veselji jiskorja t-tielet gowl għal Floriana fir-rebħa ta’ 3-0 kontra Sirens (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Punt kull wieħed għal Naxxar Lions u Balzan f’logħba li kienet karattarizzata minn diversi episodji, fosthom it-tkeċċija ta’ plejer minn kull naħa. L-aktar milquta kienu bla dubju Balzan li kellhom jilagħbu għal aktar minn siegħa bi plejer anqas. Mertu lilhom ukoll li rkupraw minkejja li b’inferjorità fejn salvaw il-partita u ħadu punt minn logħba diffiċli. Mill-banda l-oħra l-Lions m’approfittawx biżżejjed mill-vantaġġ numeriku fejn m’għarfux jagħlqu l-logħba qabel meta kellhom numru ta’ ċansijiet ta’ skor. Ta’ dan pattew qares peress li Balzan kisbu d-draw biex caħdu lil Naxxar minn tlett punti li kienu kważi jaċċertawhom minn staġun ieħor fil-Kampjonat Premier.

Azzjoni mill-konfront bejn Naxxar Lions u Balzan li temm fi draw ta’ 1-1 (Ritratt: Catriel Farrugia)

Marsaxlokk u Birkirkara ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ mingħajr gowls f’logħba li kienet karatterizzata min-nuqqas ta’ azzjonijiet fuq il-lasti rispettivi. Iż-żewġ timijiet daħlu għal din il-partita’ bl-iskop li jirbħu biex ikunu jistgħu jitilgħu waħidhom bir-raba’ post tal-klassifika u b’hekk iżommu u jkabbru t-tamiet tagħhom ta’ kwalifikazzjoni Ewropea. Iżda ftit li xejn għamlu sabiex dan iseħħ b’Marsaxlokk jerġgħu jonqsu li jirbħu wara li fl-aħħar partita huma tilfu kontra Mosta. L-istess jista jingħad għall-Istripes li għal ġimgħa oħra naqsu li jirbħu hekk kif fl-aħħar logħba huma kienu miżmuma fi draw mill-ġirien Balzan. Jekk iridu jittamaw li fl-aħħar tal-istaġun jilħqu l-objettiv tagħhom, kemm Marsaxlokk kif ukoll Birkirkara jridu malajr kemm jista jkun jinsew din il-partita.

Nevin Portelli ta’ Marsaxlokk jogħla għal ballun fil-konfront kontra Birkirkara (Ritratt: Catriel Farrugia)

Draw ta’ 1-1 bejn Valletta u Gżira United ftit li xejn kien riżultat mixtieq b’mod partikolari mill-Beltin li b’hekk baqgħu jżommu t-tnax il-post tal-klassifika. Il-logħba kellha bidu kwiet b’ħafna logħob jiżvolġi f’nofs il-grawnd sakemm Valletta kisbu l-vantaġġ b’gowl minn free kick. Madankollu l-Maroons mill-ewwel wettqu reazzjoni biex sa’ tmiem l-ewwel taqsima r-riżultat kien dak ta’ 1-1. Fit-tieni taqsima l-azzjonijiet kienu skarsi minkejja li r-rebħa setgħet marret kull naħa bi Gżira United ikunu l-aktar tim li resaq viċin li jakkwista t-tlett punti. Għall-Maroons b’dan il-punt komplew iżommu post f’nofs il-klassifika iżda xorta waħda ma’ jistgħux jirrilassaw għalissa. Mill-banda l-oħra jekk iridu jsalvaw Valletta jeħtieġ li jsibu l-formula rebbieħa hekk kif issa fadal biss sitt logħbiet għal tmiem il-kampjonat.

Iż-żagħżugħ Jake Azzopardi fl-azzjoni kontra Gżira United (Ritratt: Catriel Farrugia)

Hibernians saħħew is-sitt post tal-klassifika wara li kif kien mistenni huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Gudja United bl-iskor ta’ 3-0. Tliet gowls li waslu fi spazju qasir ta’ ftit minuti biex b’hekk aċċertaw minn tlett punti oħra. Kienet logħba li għal darb’oħra Gudja naqsu li joffru reżistenza fejn il-Pawlisti kienu dominanti kontra avversarji li wara għoxrin partita għadhom ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun. Gudja issa jinsabu verament viċin li jkunu matematikament relegati fejn dan mistenni li jkun l-ewwel verdett uffiċjali tal-istaġun. Għal Hibernians ikomplu jittamaw li tal-anqas jispiċċaw staġun deludenti fuq nota pożittiva.

Il-goalkeeper ta’ Gudja James Pisani jaħtaf il-ballun fit-telfa ta’ 3-0 kontra Hibernians (Ritratt: Catriel Farrugia)

Rebħa oħra għal Sliema Wanderers li għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-1 fejn dawn it-tlett punti kważi jfissru li l-Blues issa huwa diffiċli ħafna li jitilfu t-tielet post tal-klassifika. Kif kien mistenni ma’ kienetx logħba faċli hekk kif wara taqsima bla gowls, Sliema fetħu l-iskor b’Santa Lucia japprofittaw minn indeċiżjoni fid-difiża tal-Wanderers sabiex kisbu l-gowl tad-draw. Kien fl-aħħar parti tal-logħba li Sliema ħadu r-riedni f’idejhom hekk kif skurjaw żewġ gowls li aċċertawhom mir-rebħa. Għal Santa Lucia din it-telfa tfisser li jibqgħu f’baħar imqalleb fejn possibilment il-logħba li jmisshom fi tmiem il-ġimgħa kontra Valletta hija waħda li jridu jieħdu xi ħaġa minnha biex jibqgħu jittamaw li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni.

Joseph Minala ta’ Sliema Wanderers issikkat minn Adam Bradshaw ta’ Santa Lucia (Ritratt: Joseph Galea)

INNUTAJNA

LI l-logħba bejn Sliema Wanderers u Sta Lucia bdiet 15-il minuta aktar tard mill-ħin previst fejn minkejja li kienet skedata li tibda fl-4.15pm bdiet fl-4.30pm.

LI  nifirħu lill-attakkant ta’ Ħamrun Spartans Luke Montebello wara r-rebħ tal-unur tal-Plejer tax-Xahar għal Jannar 2024. Montebello iċċelebra dan l-unur fi tmiem il-ġimgħa b’aktar gowls li bihom kompla jsaħħah postu fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers.

LI  matul din il-ġimgħa tintensifika l-ħidma tal-kontestanti għall-elezzjoni tal-MFA li ser issir nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu. Nawguraw lill-kandidati kollha u ħidma sfieqa lil dawk li jiġu eletti. Mill-banda l-oħra għax nemmnu fil-validita tal-kandidati jkun tajjeb li dawk li ma’ jitilgħux ikomplu jkunu ta’ għajnuna b’mod jew ieħor fl-istess assoċjazzjoni.