Internazzjonali

L-Elezzjoni fil-Portugall: Disfatta għas-Soċjalisti iżda ftit hemm ċans li ċ-ċentru-lemin jifforma Gvern ta’ maġġoranza

L-inkjesta dwar il-possibbiltà tas-sehem ta’ eks Ministri fi skandli tal-korruzzjoni flimkien mal-bejgħ ta’ influwenza issarrfet f’telfa elettorali għall-Partit Soċjalista Portugiż li kien sfiduċjat mill-poplu wara numru ta’ riżenji u dubji dwar kif tmexxew l-affarijiet taħt l-eks Prim Ministru Antonio Costa li rriżenja fl-aħħar tas-sena l-oħra waqt l-eqqel tal-investigazzjoni.

Sadanittant, iċ-ċentru lemin fil-Portugall kiseb rebħa minima fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd bi ftit li xejn ċans li jifforma Gvern ta’ maġġoranza. Madankollu, il-Kap tal-Alleanza Demokratika, Luis Montenegro – li jmexxi lill-Partit Soċjali Demokratiku —  qal li l-poplu Portugiż wera li xaba’ bl-istil ta’ tmexxija ferm dubbjuża tas-Soċjalisti u fejn ivvota għall-bidla, anki jekk il-marġni tar-rebħa għaċ-ċentru lemin ma tistax titqies bħala waħda konvinċenti.

Il-Partit estremista tal-lemin, Chega, ikkonferma ruħu bħala t-tielet l-akbar forza politika fil-pajjiż. Dan il-partit immexxi mill-eks kummentatur tal-futbol, Andre Ventura, kiseb 18 fil-mija tal-vot li jissarraf fi 48 siġġu fil-Parlament ta’ Lisbona kostitwit minn 230 deputat.

Hu minnu wkoll li l-Portugall, issa, għandu l-aktar Parlament frammentat mit-tmiem tal-era tad-dittatorjat, kważi nofs-seklu ilu. Dan wara li għaxar miljun Portugiżi kellhom l-opportunità biex jivvutaw fl-elezzjoni tal-Ħadd li kellha tissejjaħ qabel iż-żmien ipprogrammat wara r-riżenja ta’ Costa fost l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.

Iżda għalkemm Antonio Costa, nhar il-Ħadd, bassar li s-Soċjalisti (PS) u l-Alleanza Demokratika taċ-ċentru-lemin kienu se jispiċċaw ‘ras-imb-ras’, Pedro Nuno Santos, li laħaq floku bħala Kap Soċjalista, wara ammetta t-telfa fost il-kumment li ‘il-partit tiegħu se jkun l-akbar entità fl-Oppożizzjoni’.

Min-naħa tiegu, Luis Montenegro qal li kien fiduċjuż li l-President tal-Portugall kien se jagħti l-ewwel opportunità liċ-ċentru lemin biex jifforma l-Gvern li jmiss. U wara li ngħaddew il-voti kollha, kien ikkonfermat li l-Alleanza Demokratika rnexxielha tirbaħ 79 siġġu – li huma tnejn aktar minn tar-rivali Soċjalisti.

Montenegro spjega li l-Portugiżi għamluha ċara li jridu stil ġdid ta’ tmexxija, minbarra l-bidliet politiċi sinifikanti u biex id-djalogu bejn il-kapijiet politiċi jingħata ferm aktar priorità minn qabel.

Il-konkorrenza tal-votanti fl-elezzjoni tal-Ħadd kienet l-ogħla waħda għal snin fil-Portugall – fost il-kalkuli li vvutaw mas-66 fil-mija tal-poplu.

L-elezzjoni kienet ukoll sinifikanti għall-mewġa ġdida ta’ sostenituri tal-politika estremista tal-lemin, bil-Partit Chega (li jfisser ‘Biżżejjed’) jaqbeż it-tragward storiku ta’ miljun vot. Dawn il-populisti marru tajjeb ħafna fiz-zoni elettorali tan-Nofsinar iżda ma impressjonawx daqstant fil-belt ta’ Porto aktar lejn it-Tramuntana tal-Portugall.

Fl-istess ħin hu kważi impossibbli li l-Alleanza ta’ Montenegro u s-Soċjalisti ta’ Nuno Santos  jaqblu biex jiffurmaw Gvern ta’ koalizzjoni u li jfisser li ċ-ċentru lemin għandu jdum ix-xhur bħala gvern ta’ minoranza. Mistenni wkoll li l-Gvern ġdid se jkollu uġigħ ra’ ras kbira biex jikseb l-appoġġ għall-baġit nazzjonali li jmiss (ipprogrammat għal Ottubru) mingħand l-entitajet l-oħrajn rappreżentati fil-Parlament ta’ Lisbona.