Il-media Britannika qed tikkonċentra fuq kontroversja ġdida konnessa mal-Familja Rjali u li din id-darba jinvolvi lill-Prinċipessa Catherine (Kate) ta’ Wales…Dan wara li hi qalet li kienet editjat personalment ritratt tagħha fejn tidher flimkien mat-tfal u li kien ippubblikat nhar il-Ħadd għal Jum l-Omm — filwaqt li talbet apoloġija dwar ‘kwalunkwe konfużjoni li setgħet inqalgħet’.
L-istqarrija kienet ippubblikata fil-media soċjali tal-Palazz ta’ Kensington wara li ħames aġenziji tal-aħbarijiet, fosthom l-Associated Press u Reuters, irtiraw ir-ritratt – li kien ingħata daqstant pubbliċità — minħabba tħassib dwar id-drittijiet tal-editjar u dwar aġir mhux konformi mar-regoli tal-istampa.
Ir-ritratt, li nġibed mill-Prinċep William, ir-raġel ta’ Kate, kien l-ewwel wieħed tal-Prinċipessa mindu hi, f’Jannar, għaddiet minn kirurġija f’żaqqha. U fl-istqarrija tagħha, il-Prinċipessa qalet li hi, l-istess bħal dilettanti oħrajn tal-fotografija, kultant tħobb tesperimenta bl-editjar tar-ritratti.
L-apoloġija ta’ Kate intbagħtet fuq il-media soċjali mis-sit uffiċjali tal-Prinċep u l-Prinċipessa ta’ Wales, iżda f’dan il-każ kellha wkoll il-firma personali ta’ ‘C’ għal Catherine,.Dan meta l-Prinċipessa qed tinsisti li tassumi responsabbiltà sħiħa għall-bidliet li saru fir-ritratt – u fejn qed tħalli barra lil żewġha u l-membri tal-istaff mal-koppja rjali.
//= $special ?>