Internazzjonali

L-Ukrajna: ‘L-ebda bandiera bajda’… It-tweġiba għall-appell tal-Papa biex isiru n-negozjati mar-Russja

L-Ukrajna ċaħdet bil-qawwi is-suġġeriment irrappurtat tal-Papa Franġisku fejn appella biex il-pajjiż jinnegozja tmiem għall-gwerra mar-Russja filwaqt li ‘jkollu l-kuraġġ biex jgħolli l-bandiera l-bajda’ – bħala sinjal li ċeda.

Il-Papa, meta kien intervistat mill-Istazzjon Żvizzeru RSI kien mitlub biex jikkummenta dwar dibattitu bejn dawk li jridu li l-Ukrajna tilħaq ftehim mar-Russja u oħrajn li qed jinsistu li pass bħal dan  jilleġitimizza l-aggressjoni. L-intervista kienet irrekordjata fi Frar bil-ħsieb li tixxandar f’nofs dan ix-xahar.

Intant, il-Ministeru Ukren għall-Affarijiet Barranin qal li l-Ukrajna mhix se ċċedi u li l-uniċi kuluri li għandhom jinkwadraw fit-taħdita għandhom ikunu l-blu u l-isfar bħala l-ilwien nazzjonali.  Fl-istess ħin, il-każ x’aktarx li kien miftuħ għal element ta’ misinterpretazzjoni – bil-kelliema għall-Vatikan, wara, jgħidu li l-Papa, waqt l-intervista, tkellem dwar waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna bis-saħħa tan-negozjati – u mhux sitwazzjoni fejn pajjiż għandu jċedi lill-ieħor.

Madankollu, il-kritika ma naqsitx, bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, mingħajr ma jirreferi direttament għall-Papa, ifaħħar b’mod speċifiku l-ħidma tal-qassisin Ukreni li qed jissugraw ħajjithom fil-kampijiet tal-battalja.