Missier u ibnu tressqu l-Qorti t-Tnejn, akkużati li aggredew kuġin b’invell u li kissrulu l-windscreen tal-karozza tiegħu, allegatament bħala tpattija talli nsulta lit-tifel li miet riċentament. L-Ispettur Audrey Micallef akkużat liż-żewġ ċittadini Sirjani: Waled Ebou Ismail ta’ 56 sena, residenti l-Bulgarija u Khaleb Eibo ta’ 27 sena, li jgħix San Pawl il-Baħar.
Fil-Qorti ntqal li ż-żewġ imputati kienu missier u iben u kienu joqogħdu fl-appartament ġewwa San Pawl il-Baħar.. Walid, li huwa iz-ziju tal-vittma u Khaleb, il-kuġin tal-vittma, ġew mixlija li weġġgħu ħafif lill-vittma, li kkaġunawlu biża’ minn vjolenza, li weġġgħuh ħafif, li għamlu ħsara fil-windscreen tal-karozza tiegħu, kif ukoll li aggredewh, insulenjaw u heddewh. Huma ġew akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika.
L-Ispettur MIcallef qalet lill-maġistrat Yana Micallef Stafrace li l-ġimgħa li għaddiet, l-għassa tal-Ħamrun kienet irċeviet telefonata għall-ħabta tal-11pm dwar argument li sar vjolenti. Fuq il-post l-uffiċjali kienu sabu raġel Sirjan, bid-demm ħiereġ minn ferita f’rasu. Qalilhom li kien għadu kif ġie attakkat minn zijuh u kuġinuh.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn il-ġrieħi tiegħu ġew ikklassifikati bħala ħfief. Wara, huwa qal lill-pulizija li kien bilqiegħda fil-karozza tiegħu, meta l-karozza tal-kuġin tiegħu waqqfet ħdejħ. Iż-żewġ imputati kienu ħarġu u pproċedew biex aggrediwh. Wieħed mill-aggressuri kien ħa invell tal-metall mill-karozza u biha tah fuq rasu.
L-akkużati, megħjuna mill-avukati Franco Debono u Noel Bianco, it-tnejn ippreżentaw tweġiba ta’ mhux ħatja. Id-difiża wara talbet il-ħelsien mill-arrest. L-avukati difensuri qalu lill-qorti li Khaleb kien għadu kemm sofra l-mewt tat-tarbija tiegħu, u spjegaw li l-insulti u l-kliem offensiv tal-allegat vittma dwar it-tifel mejjet kienu wasslu għal reazzjoni vjolenti.
L-Ispettur Micallef oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li ż-żewġt irġiel kienu pparteċipaw it-tnejn fl-aggressjoni tal-vittma waħedha, u żiedet li fl-ebda ħin waqt l-interrogazzjoni tagħhom ma semmew insulti bħala l-kawża tal-ġlieda.
Kien hemm riskju reali li Waled jaħrab, hija qalet, waqt li spjegat li kien qalilha hu stess li kellu permess ta’ residenza Bulgaru u kellu post fiss ta’ residenza hemmhekk. Waled kien ġie Malta għall-ewwel darba fi 12-il sena bil-ħsieb li jqatta’ ftit xhur hawn biex iżomm il-permess ta’ residenza Maltija.
Għad-difiża, l-Avukat Debono sostna li l-akkużi kienu ta’ ġrieħi ħfief u li l-akkużati setgħu jitressqu b’ċitazzjoni. Sostna li l-imputat anzjan kien siefer lejn Malta biex iżur lil ibnu u lill-familja, u għalhekk kellu wkoll rabtiet mal-pajjiż. Kien għadu kemm esperjenza avveniment trawmatiku, żied jgħid l-avukat.
Il-Qorti ma kinitx konvinta mill-argumenti tad-difiża, madankollu, u ċaħdet liż-żewġt irġiel ħelsien mill-arrest. Id-difiża mbagħad talbet lill-qorti tippermetti li l-akkużati jitħallew barra mill-kustodja taħt is-superviżjoni tal-pulizija għal jumejn, sabiex isiru arranġamenti għall-funeral għat-tifel. Il-Qorti ċaħdet dik it-talba wkoll, u qalet li ma setgħetx tilqa’ talba bħal din għal jumejn.
Il-qorti, iżda, għamlet rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs biex jippermetti, kemm jista’ jkun fiċ-ċirkostanzi, lill-akkużati jagħmlu tħejjijiet għal, u jattendu, il-funeral tat-tifel.