Internazzjonali

Stati Uniti: Orban jinsisti li Trump mhux beħsiebu jgħin lill-Ukrajna ‘bħala President’

 

L-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump ma kummentax wara li l-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, tenna li Trump mhux se jiffinanzja ‘imqar b’ċenteżmu’ il-ġlieda tal-Ukrajna kontra r-Russja jekk kemm-il darba hu jegħleb lill-President Amerikan attwali, Joe Biden, fl-elezzjoni ta’ Novembru.

Orban, wara li ltaqa’ ma Trump fi Florida, qal li l-kandidat Repubblikan għall-Presidenza, ‘mhux se jinvesti, bil-flus jew bl-armi, fil-konflitt tal-Ukrajna mar-Russja’ u li din il-politika ‘għandha twassal għall-konklużjoni tal-gwerra’.

Donald Trump, qabel, kien wiegħed biex itemm il-gwerra ‘fi żmien 24 siegħa’ jekk kemm il-darba jerġa’ ikun elett President, iżda hu ma providex id-dettalji ta’ xi pjan potenzjali.

Min-naħa tiegħu, Orban għamilha ċara li qed jappoġġja lil Trump fit-tellieqa għall-White House u, waqt intervista lill-istazzjon televiżiv M1, tal-Ungerija, enfasizza li ‘illum sar ovvju li l-Ukrajna ma tistax tkompli għaddejja waħedha bil-konflitt ( kontra l-Armati tal-Kremlin).’