Żewġ nisa u raġel ammettew quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li ħadu eluf ta’ ewro b’qerq minn skema ta’ benefiċċji soċjali fażulla. Għaldaqtsant huma nstabu ħatja li ffrodaw lill-Gvern. Raġel u mara minn ingħataw sentenza sospiża filwaqt li mara oħra ġiet ordnat tagħmel xogħol fil-kommunità.
Isabel Scicluna, ta’ 48 sena, residenti Ħaż-Żabbar ammettiet li bejn Settembru 2020 u Lulju 2021 ħadet benefiċċji soċjali bi frodi b’dannu għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u l-Gvern Malti. Hija kienet ordnata tagħmel 150 siegħa xogħol fil-komunità fi żmien sentejn wara li l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ġiet infurmata li rrifondiet dak li ħadet, bl-akkuża tgħid li l-ammont kien ta’ aktar minn €5,000.
Stefania Mifsud ta’ 40 sena miż-Żejtun ammettiet li bejn Ottubru 2021 u Novembru 2023 ħadet is-somma ta’ €12,598 f’benefiċċji li ma kinux dovuti. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kkundannatha 24 xahar ħabs sospiżi għal 40 xahar u ordnatilha tagħti lura l-flus li ngħatat.
Emerson Cutajar ta’ 29 sena minn Marsaskala ammetta li bejn Novembru 2019 u Frar 2023 ħa €13,540 f’benefiċċji b’qerq għad-dannu tal-Istat Malti. Il-Maġistrat Nadine Sant Lia kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnatlu jirrifondi t-€12,540 li baqalu jirrifondi.
Sadanittant l-eks Deputat Laburista Silvio Grixti mistenni jitressaq il-Qorti nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Marzu li ġej – akkużat bl-involviment tiegħu fir-racket tal-benefiċċji soċjali. Sorsi fi ħdan il-Pulizija qalu lin-NET News li damu ma ressqu lil Grixti biex ikollhom aktar provi kontrih minn dawk li tressqu l-Qorti u li diġa semmewh bħala wieħed minn dawk li allegatament rrangalhom biex jieħdu benefiċċji meta ma ħaqqhomx. Il-prosekuzzjoni f’dawn il-każijiet tmexxiet mill-Ispetturi Michael Tabone u Shaun Friggieri.
//= $special ?>