Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit, jidher li l-Pulizija qed tinvestiga allegat każ ta’ korruzzjoni li jirrigwardja uffiċjal ta’ wieħed mill-klabbs ewlenin fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin, u b’rispett lejn ix-xogħol tal-Pulizija u tal-awtoritajiet ikkonċernati, l-etika titlob li l-ebda tim jew individwu ma jkun imsemmi f’dan l-istadju, iżda dan is-sit jista’ wkoll jikkonferma li persuna li tifforma parti mill-istaff tekniku ta’ dan it-tim imsemmi avviċina plejer ta’ tim ieħor sabiex jikkorompieħ qabel il-partita ta’ bejniethom f’dan l-istaġun.
L-informazzjoni li għandna, u li ta’ min jorbot fuqha hi, li wara li rrifjuta din l-offerta, dan il-plejer minnufih informa lill-klabb tiegħu b’dan il-każ, bil-klabb irrikorra għall-għajnuna tal-Pulizija fejn anke jeżistu recordings ta’ telefonati b’rabta ma’ dan il-każ.
F’każijiet bħal dawn, l-investigazzjoni tal-Pulizija hija waħda indipendenti minn dik tal-Integrity Officer tal-Malta Football Association u għalhekk wieħed għandu jifhem li l-Assoċjazzjoni tal-Futbol Maltija wkoll qed tinvestiga dan il-każ u issa wieħed jistenna x’azzjoni se tkun qed tittieħed f’dan ir-rigward, hekk kif jidher li hemm biżejjed provi mressqa anke quddiem id-dipartiment tal-Integrity Officer.
Dan is-sit se jkun qed ikompli jsegwi l-iżviluppi kollha marbuta ma’ dan il-każ fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>