Lokali Parlament

“Xift fil-pjanijiet” – Il-Ministru jikkonferma li l-Isptar għal kura psikjatrika l-ġdid mhux se jsir

Konfermata – l-Isptar ġdid għas-saħħa mentali akuta biswit l-Isptar Mater Dei mhux se jkun qed isir…imma se tkun qed issir biss unit fi ħdan l-istess sptar.

Sostna dan fil-Parlament it-Tnejn waranofsinhar il-Ministru għas-Saħħa Jo Etiene Abela fejn ikkonferma li l-Gvern tal-Labour wettaq u-turn totali fil-politika tiegħu dwar is-saħħa mentali.

Huwa saħaq li din id-deċiżjoni waslet wara li għamel konsultazzjonijiet neċessarji hekk kif insista li jkun jaqbel aktar li l-pazjenti jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei. Huwa sejjaħ dan kollu bħala xift fil-pjanijiet…li ma hija xejn għajr u-turn oħra mill-Gvern ta’ Abela.  

Il-Gvern Laburista issa lu snin iwiegħed sptar mentali ġdid għal kura psikjatrika akuta fosthom saħansitra fid-diskorsi tal-budget – madanakollu dal l-isptar qatt ma wasal – tant li issa waslet il-konferma li mhux se jkun qed jasal għal kollox.

Ftit taż-żmien ilu l-Gvern ta; Robert Abela kien ipoġġi l-bini ta’ sptar ġdid għas-saħa mentali bħala waħda mill-passi meħtieġa f’dan is-settur, anke fid-dawl li l-Isptar Monte Karmeli beda jitqies minn bosta esperti fis-settur bħala wieħed li ma kienx qed ilaħħaq mad-domanda neċessarja.

Għaldaqstant it-Tnejn waslet il-konferma li anke din id-darba l-Gvern ta’ Robert Abela naqas lis-soċjetà.

Din kienet ukoll wiegħda tal-manifest elettorali Malta Flimkien fejn ingħad li se jkun qed jinfetaħ sptar ġdid għall-kura psikjatrika – b’120 sodda u ġnien terapewtiku.

Oriġinarjament din kienet proposta li l-Partit Nazzjonalista imbotta kontinwament ‘il quddiem bil-għan li l-kura tas-saħħa mentali tingħata l-attenzjoni u l-importanza li jixraqilha.