Internazzjonali

 

 L-Ukrajna: Paramilitari ta’ kontra Putin qed jinfiltraw u jokkupaw il-villaġġi fir-Russja proprja

Il-gwerra li ilha s-snin għaddejja fl-Ukrajna qed tipproduċi, fost oħrajn, entitajiet ġodda ta’ Russi armati li huma determinati biex jirreżistu lill-Kremlin u jwasslu għat-tmiem tad-dittatorjat tal-President tar-Russja Vladimir Putin.

Dan meta l-kelliema għal tlett gruppi ta’ paramilitari Russi bażati fl-Ukrajna qalu li huma, fl-aħħar sigħat, infiltraw l-artijiet tar-Russja fejn qegħdin jiġġieldu l-battalji mal-militar leali lejn Putin.

L-osservaturi, sadanittant, qed jirreferu għal front tal-gwerra ġdid li ilu jiżviluppa għall-xhur u li għandu jinkwieta lit-Tmexxija f’Moska minħabba l-kumplikazzjonijiet inevitabbli għall-‘kampanja militari’ tal-Kremlin fl-artijiet Ukreni.

Fl-aħħar sigħat, grupp bl-isem Leġjun għal Russja Ħielsa u entità oħra ta’ ġellieda mal-Battaljun tas-Siberja ċirkulaw il-filmati fuq il-media soċjali li juru lill-paramilitari tagħhom waqt li qed jinfiltraw ir-reġjuni ta’ Belgorod u Kursk, fir-Russja, u viċin il-fruntiera tal-Ukrajna.

Ingħad ukoll li talanqas żewġ villaġġi f’dik iz-zona partikulari tar-Russja issa jinsabu taħt kontroll tal-hekk-imsejħa ‘qawwiet għal-Liberazzjoni’, bil-Kremlin ma jivverifikax jekk dan hux minnu tassew. Fil-fatt, il-Ministeru tad-Difiża Russu qed jagħti versjoni differenti dwar x’seħħ f’dawk ir-reġjuni u fejn ipprova jwassal messaġġ li ‘il-paramilitari fallew f’dawn l-azzjonijiet’.

Min-naħa tagħha,  l-Armata tal-Ukrajna ċaħdet għal xi sehem f’dawn ir-rejds fuq ir-Russja mill-artijiet tagħha – bil-kelliema għas-servizzi sigrieti tal-militar Ukren isostnu li dawn il-gruppi paramilitari huma ‘organizzazzjonijet indipendenti ta’ nazzjonali Russi’ u għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala ‘Russi li qegħdin jopponu bil-miftuħ lil Vladimir Putin.’