Raġel li jagħmel użu minn Facebook ‘iċċelebra’ l-mewt tal-kandidat indipendenti Arnold Cassola. Dan xehdu l-istess kandidat fil-qorti t-Tlieta. Huwa kien qed jixhed fil-konfront ta’ Jesmond Muscat li jinsab mixli li insulenta u hedded lill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, bil-każ jinstema’ mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
L-ewwel post esebit fil-Qorti fih filmat ta’ ċelebrazzjoni li jinkludi żfin, b’wiċċ Cassola kif ukoll il-kliem “RIP Cassola” superimpost fuq il-filmat. Dan ttella’ minn Muscat fuq il-paġna personali tiegħu ta’ Facebook.
Fuq il-filmat Muscat kiteb “Ejja ħa nicelebraw.”
F’kumment ieħor, li ttella’ taħt waħda mill-posts ta’ Cassola, Muscat kiteb “oqgħod attent li xi ħadd ma jagħtik daqqa ta’ ponn f’wiċċek, tinsiex li kull m’int biss – persuna normali, mhux xi ministru, m’hemmx sentenza iktar ħarxa, allura aħjar tħalli lin-nies bi kwithom”.
Dan kien akkumpanjat minn immaġni ta’ toilet miftuħ. Il-Professur Cassola qal lill-Qorti li kuljum jirċievi għadd kbir ta’ kummenti negattivi min-nies, u filwaqt li jħalli lill-biċċa l-kbira minnhom għaddejjin, jiġbed il-linja għat-theddid u l-vjolenza.
“Ma nirrapportax il-maġġoranza tal-kummenti dubjużi li nirċievi għax filwaqt li jistgħu ma jaqblux miegħi huma intitolati għall-opinjoni tagħhom,” huwa qal. “Madankollu, f’dan il-każ, is-Sur Muscat poġġa ritratti tiegħi fuq tebut u qal li kien qed jiċċelebra mewti. Naħseb li dan qed jinċita l-vjolenza u ma naħsibx li hu tajjeb.”
Cassola żied jgħid li ma kienx jaf lill-imputat u qatt ma kien iltaqa’ miegħu, ħlief li nnota li minn żmien għal żmien ikkummenta fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook. L-avukat difensur Albert Zerafa staqsa lil Cassola jekk kienx iddejjaq bil-vjolenza fil-kummenti jew jekk kienx li Muscat allegatament kien qed jgħid affarijiet mhux veri dwaru li qanqlu jressaq ir-rapport.
Cassola saħaq li jiġbed il-linja fejn tidħol vjolenza. “Ara ma jogħġbunix l-affarijiet li xi nies jagħżlu li jiktbu fuqi imma nista’ ngħix bihom. Imma meta nkunu qed nitkellmu dwar il-vjolenza u l-mewt għalija hemm linja diviżorja,” qal Cassola. Il-każ huwa skedat li jkompli f’Mejju.
//= $special ?>