Il-Prim Ministru ta’ Haiti, Ariel Henry, ikkonferma r-riżenja tiegħu wara ġimgħat ta’ vjolenza u dmija fil-kapitali Port-au-Prince u wara li l-Mexxejja tar-reġjun kienu ltaqgħu fil-Ġamajka, nhar it-Tnejn, biex jiddiskutu t-tranżizzjoni politika f’pajjiżu.
Ariel Henry fl-aħħar sigħat kien għadu iżolat f’Puerto Rico minħabba li l-gruppi armati li qed jippersistu bl-irvellijiet kontra l-Gvern ta’ Haiti ma kenux qed iħalluh jirritorna d-dar. Intant, Henry bagħat messaġġ bil-video lill-poplu tiegħu fejn ħeġġeġ għall-kalma filwaqt li sostnali l-Gvern tiegħu wkoll kien se jirriżenja ladarba, f’Port-au-Prnce, jieħu postu kunsill speċjali biex jieħu ħsieb it-tranżizzjoni tat-tmexxija.
Henry (li, fil-fatt, kellu r-rwol ta’ Aġent Prim Ministru ) kien ilu jipposponi l-elezzjonijiet għall-Presidenza ta’ Haiti bl-iskuża ta’ nuqqas ta’ sigurtà u bil-poplu ma jaċċettax is-sitwazzjoni – tant li l-gruppi armati, fosthom elementi kriminali, bħalissa qed jikkontrollaw il-qalba tal-kapitali fejn anki ħarrbu l-priġuniera mill-ħabs ewlieni biex jgħinuhom fir-rewwixta.
L-għajta kollettiva tagħhom, intant, dejjem kienet għar-riżenja ta’ Henry iżda l-konferma ta’ din ir-riżenja ma tfissirx li l-vjolenza f’Haiti għandha tieqaf millum għal għada.
//= $special ?>