Alex Borg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg sostna fil-parlament li l-gvern mhux iżomm kelmtu mal-Għawdxin u enfażizza li Għawdex jistħoqqlu aħjar.
Id-deputat Nazzjonalista qal li kien Gvern Nazzjonalista li poġġa lil Malta fuq quddiem fis-settur marittimu u fl-avjazzjoni. Hu semma’ l-proġetti li għamel gvern Nazzjonalista f’Għawdex b’numru kbir ta’ toroq, it-terminal taċ-Ċirkewwa, ir-restawr taċ-Cittadella u proġetti oħra. Hu kkritika l-fatt li fil-budget 2024, il-gvern Laburista naqqas in-nefqa kapitali għal Għawdex b’10 fil-mija.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li gvern Laburista ma nvestiex fil-Qorti ta’ Għawdex u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u issa Għawdex tħalla barra milli jingħata kapitlu għalih fl-aħħar budget. Il-gvern m’għandux ħjiel kif jiddiversifika l-ekonomija Għawdxija u Maltija u qed jiddependi biss mis-settur tal-kostruzzjoni. Dan meta dan is-settur mhuwiex settur li jista’ jibqa’ jrendi fit-tul; għalhekk jeħtieġ niċeċ ekonomiċi ġodda.
Hu semma’ l-Gozo Innovation Hub u qal li l-gvern ma baqax jinvesti fil-marketing tiegħu u ma attirax kumpaniji ġodda ta’ kwalità. Il-pjan kien li dan il-hub joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda b’xogħol ta’ kwalità, iżda fih illum hemm biss ftit kumpaniji li m’humiex irendu xogħljiet ta’ kwalità.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern naqqas bi 30% l-investiment fis-settur turistiku u qal li l-investiment fl-edukazzjoni hu wkoll miżeru. Hu semma’ l-bini tal-iskola tar-Rabat iżda wara erba’ snin din l-iskola għadha ma nfetħitx. Ftit ilu saqaf fl-iskola tar-Rabat sfronda u fortunatament ma weġġa’ l-ebda student. Dan kien proġett ta’ Gvern Nazzjonalista 15-il sena ilu iżda l-Gvern Laburista m’għamel l-ebda investiment ta’ manutenzjoni.
Alex Borg semma’ l-iskola tan-Nadur u qal li din l-iskola kienet inawgurata darbtejn. Il-budget mhu qed joffri l-ebda soluzzjoni dwar it-tessut soċjali u dwar is-sigurtà; problema kbira li mhijiex tiġi indirizzata fejn il-Korp tal-Pulizija f’Għawdex mhux qed jingħata fondi biżżejjed skont ir-realtajiet ġodda ta’ Għawdex. Il-Gvern ma jsemmi xejn dwar l-investiment fis-servizzi soċjali, il-breakwater ta’ Marsalforn, il-Victoria Park, ir-raba’ vapur għal Għawdex u fl-isptar f’Għawdex.
Alex Borg kompla li l-prijorità tal-Gvern hi li jkompli jħallas lill-barranin għall-vapur second hand waqt li l-prijorità taċ-Chairman tal-Gozo Channel hi li jinkera garaxx meta ma jidhrix li hemm skop għal dan. Id-deputat Nazzjonalista staqsa fejn qed titwettaq il-wiegħda Laburista li Għawdex isir gżira tal-villaġġi.