“Hu inkwetanti kif il-Gvern ta’ Robert Abela warrab il-pjanijiet li jibni sptar ġdid tas-saħħa mentali akuta, minkejja li din kienet waħda mill-wegħdiet elettorali u fil-Budget tiegħu. U dan meta, fl-aħħar 11-il sena, il-Gvern Laburista sab jagħti €400 miljun lil Vitals u Steward, filwaqt li ħalla lis-settur tas-saħħa mentali fil-baħħ.”
Dan kien li ħareġ minn stqarrija tax-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali, Ian Vassallo u x-Shadow Minister għas-Saħħa, Adrian Delia f’isem il-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-aħħar żviluppi li ħareġ ilbieraħ Net News.
L-istqarrija tkompli tfakkar li issa għaddew is-snin minn meta l-Gvern beda jwiegħed li se jibni sptar ġdid tas-saħħa mentali akuta u wara li qal li ħareġ pjan għar-riżultat diżastruż li l-istess Gvern ġab f’rapport tal-Awditur Ġenerali, li ċanfar lill-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien Chris Fearne għan-nuqqas ta’ investiment li sar.
Sa ftit ilu, il-Gvern kien għadu qed jitkellem u jwiegħed li beda x-xogħol fuq l-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali akuta b’120 sodda, b’tagħmir modern u dipartiment tal-out-patients speċjalizzat. Qal ukoll li identifika l-post, ħallas għal diversi studji u kellu pjan, iżda llum nafu li dan kollu kien ħela ta’ ħin, ta’ flus u ta’ riżorsi.
Minflok, illum il-Gvern qed jikkonferma li se jkun qed isir biss unit fi ħdan l-istess sptar, fost reazzjoni ta’ tħassib u dispjaċir minn diversi għaqdiet u professjonisti wara dak li kien imwiegħed għal diversi snin, li iżda spiċċa mitfugħ fil-ġenb u minsi.
Quddiem Gvern li qed juri li għalih, il-kura tas-saħħa mentali mhix verament prijorità, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-proposti tiegħu biex il-kura tas-saħħa mentali tingħata l-attenzjoni u l-importanza li jixraqilha:
1. Nibnu sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali qrib l-Isptar Mater Dei.
2. Naraw li jitkompla x-xogħol ta’ rinnovar fl-Isptar Monte Karmeli.
3. Naraw li l-kura fis-saħħa mentali tingħata fuq livell u b’mod ta’ kif jiġu trattati kundizzjonijiet oħrajn.
4. Ninvestu fil-Formularju tal-Medicini b’mediċini ġodda li qed jingħataw diġà fis-suq u li nafu li joffru livell ta’ kura aħjar.
5. Noħolqu pjan ta’ edukazzjoni biex negħlbu l-istigma marbuta ma’ nies li jbatu minn din il-kundizzjoni.
6. Noħolqu programm ta’ għarfien li jingħata f’livelli differenti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna dwar kif tinduna u tfittex l-għajnuna.
7. Nintegraw il-kura u t-trattamenti li jingħataw fis-sistema tas-saħħa mentali fil-kliniċi u fil-bereġ madwar pajjiżna biex negħlbu l-istigma.
8. Ikun offrut programm ta’ assessjar fi studenti u l-ħaddiema ta’ pajjiżna biex b’eżaminazzjoni jkunu jafu jekk humiex qed ibatu minn xi kundizzjoni relata mas-saħħa mentali.
9. Ninvestu fir-riżorsa umana fil-kliniċi u fl-isptarijiet tagħna.
10. Ngħinu għaqdiet volontarji biex jinvestu aktar f’dan is-settur.
11. Insaħħu l-metodi biex nies fi kriżi jistgħu jirrikorru immedjatament għall-għajnuna bit-telefon, online jew fiżikament.
12. Nintroduċu ‘safe spaces concept’ f’binjiet kbar jew pubbliċi meta wieħed iħossu mhux komdu jew li jrid ftit ħin għalih mingħajr distrazzjoni.
//= $special ?>