Wara li l-Ministru Jo Etienne Abela għamel u-turn dwar l-isptar għas-saħħa mentali akuta biswit l-Isptar Mater Dei huwa kompla jinsisti li ħa dan il-pass fuq parir ta’ diversi esperti. Għalkemm fl-ebda ħin ma qal min kienu dawn l-esperti.
Fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, wegħda numru 499 tgħid li kellu jinbena sptar ġdid għas-saħħa mentali akuta kif ukoll ġnien terapewtiku biswit l-isptar Mater Dei; wegħda li ġiet ripetuta budget wara l-ieħor, fejn saħansitra intqal li li dan l-investiment kellu jkun essenzjali biex dan is-settur jimxi ‘il quddiem.
Iżda meta kien affaċċjat bid-domandi ta’ Net News it-Tlieta waranofsinhar, il-Ministru Jo Etienne Abela insista li mhu qed imur lura mill-ebda wegħda li saret – għalkemm ikkonferma li dan l-isptar mhux se jkun qed jinbena, għaliex minflok se jsiru units fl-Isptar Mater Dei.
Matul l-aħħar xhur kemm-il darba ħarġet fid-deher il-problema enormi ta’ nuqqas ta’ spazju fl-Isptar Mater Dei b’numru ta’ pazjenti jispiċċaw fil-kurituri, fil-librerija jew fil-canteen. Dan apparti l-istennija ta’ sigħat sħaħ sabiex wieħed jinqeda fl-Emerġenza.
Barra minn hekk, il-Ministru Abela stess fl-aħħar ġimgħat kien ammetta li l-Emerġenza mhix kbira biżejjed għall-ammont ta’ pazjenti li jkollhom bżonn assistenza medika – bil-problema se nkomplu nesperjenzawha matul is-snin li ġejjin.
Kien għalhekk li qam tħassib kbir meta it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament il-Ministru Abela qal li dawn il-units tal-kura psikjatrika se jsiru fl-Isptar Mater Dei; iżda meta kien mistoqsi għad-dettalji ta’ dan il-pjan, hu qalilna biss li l-poplu se jkollu jistenna sa Mejju.
B’kuntrast, il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jinbena sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali qrib l-Isptar Mater Dei, li jitkompla x-xogħol ta’ rinnovar fl-Isptar Monte Karmeli, li l-kura fis-saħħa mentali tingħata fuq livell u b’mod ta’ kif jiġu trattati kundizzjonijiet oħrajn, u li jsir investiment fil-Formularju tal-Medicini b’mediċini ġodda.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ukoll li jkunu integrati l-kura u t-trattamenti li jingħataw fis-sistema tas-saħħa mentali fil-kliniċi u fil-bereġ madwar pajjiżna biex negħlbu l-istigma u li jsir investimnet fir-riżorsa umana fil-kliniċi u fl-isptarijiet.
//= $special ?>