Il-mozzjoni imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar l-Inkjesta Pubblika b’rabta mat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia se tiġi diskussa nhar il-Ħamis li ġej.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN, ix-Shadow Ministers Robert Cutajar u Karol Aquilina spjegaw fid-dettall dak li qed titkellem dwaru din il-mozzjoni; wara li l-Gvern għadu m’għamel xejn minn mindu ħarġet l-Inkjesta Pubblika. U ħadd għadu ma refa’ responsabbiltà politika.
Il-ħames punti li joħorġu mill-mozzjoni huma li:
- Il-Parlament jiskuża ruħu mal-ġenituri wara l-vot li ttieħed f’Ġunju li għadda kontra li ssir Inkjesta Pubblika;
- Il-Parlament jaddotta r-rapport sħiħ li ġie ppublikat;
- Il-Parlament jagħmel tiegħu dak li rrakomandat l-Inkjesta Pubblika u jesiġi li jiġu implimentati fi żmien sitt xhur;
- Sabiex ikun assigurat li l-affarijiet jimxu ‘l quddiem, kull erba’ ġimgħat il-Gvern għandu jippreżenta rapport ta’ dak li nbidel;
- Il-Kamra tiċċensura u tesprimi l-isfiduċja fit-tliet Ministri li b’xi mod jew ieħor instabu ħatja ta’ involviment – Silvio Schembri, Miriam Dalli, u Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li dawk li kellhom sehem fit-traġedja ta’ Jean Paul Sofia jerfgħu r-responsabbiltà politika minflok jibqgħu jinsulentaw l-intelliġenza tan-nies.
Minn naħa tiegħu, Karol Aquilina qal li l-aħħar xhur urew kemm dan il-Gvern ma jimpurtahx mill-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi. U dan jidher biċ-ċar meta la l-Ministri u lanqas il-Prim Ministru m’għamlux xogħolhom u xorta waħda baqgħu fil-pożizzjoni tagħhom.
Il-Ħamis se tkun qed issir seduta speċjali fil-Parlament fejn l-Oppożizzjoni se ssejjaħ permezz ta’ vot sabiex it-tliet Ministri jerfgħu r-responsabbiltà politika u jirriżenjaw minnufih.
//= $special ?>