Internazzjonali Mużika

Imut il-kantawtur ta’ “Hungry Eyes”, Eric Carmen

Eric Carmen, li sar ikona tal-Pop fil-bidu tas-snin 70, miet fl-eta’ ta’ 74 sena.

Carmen kien il-frontman tal-grupp “Raspberries” qabel ma kiseb suċċess solo bil-kanzunetti bħal “Hungry Eyes” u “All By Myself“.

“Huwa b’diqa tremenda li qed naqsmu l-aħbar ta’ qsim il-qalb tal-mewt ta’ Eric Carmen,” kitbet martu, Amy Carmen, fuq il-websajt tal-kantant.  Eric Carmen miet fl-irqad, fi tmiem il-ġimgħa. Martu stqarret li kien tassew kuntent li għal għexieren ta’ snin, kien jaf li l-mużika tiegħu messet lil ħafna qlub u se tkun il-legat tiegħu.

L-ebda kawża tal-mewt jew data eżatta tal-mewt ma ġiet imħabbra.

Il-kanzunetta tiegħu “All By Myself”, koperta minn Celine Dion, tinstema’ fix-xena klassika tal-ftuħ tal-film “Bridget Jones’s Diary“, filwaqt li “Hungry Eyes” ħafna jibqgħu jiftakruha f’”Dirty Dancing” b’ Jennifer Gray u Patrick Swayze.