Nazzareno Dalli, magħruf bħala Ronald ta’ 43 sena minn Bormla inżamm arrestat wara li li tressaq il-Qorti mixli b’attentat ta’ qtil ta’ żewġ tfajlliet minuri wara li allegatament ta diversi daqqiet ta’ sikkina fuq il-ibniet, waħda ta’ 12-il sena u l-oħra ta’ 15-il sena li jiġu ulied l-eks sieħba tiegħu.
Huwa ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li bejn is-1pm u l-4.45pm fi Triq San Tumas il-Marsa bil-ħsieb li joqtol lill-vitmmi aggredihom b’arma u kkaġunalhom feriti ta’ natura gravi u li bil-ħsieb li jikkommetti delitt, li ma seħħx minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu.
Ġie mixli wkoll li kkaġuna ħsara fuq il-bniet u li ssekwestrhom kontra l-volontà tagħhom. Ġie mixli wkoll li żamm arma mhux liċenzjata, li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u li għamilha ta’ gwardjan privat mingħajr ma kien liċenzjat.
Ġie mixli wkoll li sar riċediv fuq diversi sentenzi mogħtija mill-Qorti. L-aggressjoni seħħet nhar is-Sibt meta ġew feruti żewġt ibniet fil-Marsa, b’waħda minnhom issofri ġrieħi serji u l-oħra ġrieħi gravi. Huwa wieħeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih fejn id-difiża ma għamlet l-ebda talba għall-pleġġ.
Ma ngħataw l-ebda dettalji fil-Qorti la mill-prosekuzzjoni kif ukoll mid-difiża anke jekk minn informazzjoni li għandu NET News hu li t-tifla minnhom ingħatat 17-il daqqa ta’ sikkina u li xi organi minn tagħha mhumiex jaħdmu.
L-aggressjoni seħħet f’dar fi Triq San Tumas fil-Marsa, fejn kien hemm ukoll tifel ta’ 14-il sena. Ir-raġel kien arrestat f’Bormla u baqa’ miżmum taħt arrest – għalkemm għamel perijodu fl-Isptar Mater Dei. It-tifla ta’ 12-il sena spiċċat fil-periklu tal-mewt u għamlet xi ħin fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Allegatament ir-raġel minn Bormla daħal fir-residenza u aggredixxa liż-żewġ tfajliet fil-preżenza ta’ tifel ta’ 14-il sena. Ir-raġel ħarab minn fuq il-post, biż-żewġt aħwa ttieħdu l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard it-tifla ta’ 12-il sena ġiet iċċertifikata li ġarbet ġrieħi serji filwaqt li oħtha ta’ 15-il sena sofriet minn ġrieħi gravi.
Dan filwaqt li t-tifel ta’ 14-il sena ma sofriex ġrieħi fiżiċi iżda kellu bżonn l-assistenza għax-xokk li ġarrab. L-allegat aggressur kien instab aktar tard mill-Pulizija f’Bormla fejn ġie identifikat bħala Malti ta’ 43 sena residenti minn Bormla stess.
Għar-raġel dehru l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Franco Debono u Nicholas Mifsud. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Ian Vella. L-Avukat Etienne Savona u Manuel Grech mexxew ukoll il-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>