Internazzjonali

Iżrael: Jiċħad dwar allegat maltrattament tal-istaff mediku Palestinjan waqt l-offensiva f’Gaza

Il-kelliema għall-qawwiet tad-difiża ta’ Iżrael ċaħdu kategorikament li qed iwettqu r-reati kontra l-istaff tal-isptarijiet ta’ Gaza huma u għaddejjin bl-offensiva fuq it-terroristi tal-Ħamas….Offensiva li għalqet ħames xhur ftit tal-jiem ilu u li tidher qed tirriżulta fir-reati li mhumiex konformi mar-regoli tal-gwerra.

Il-Kapijiet militari ta’ Iżrael qed ikomplu jinsistu li l-gwerra kontra t-terroriżmu f’Gaza saret aktar ikkumplikata wara li l-ġellieda tal-Ħamas infiltraw il-komunitajiet tar-residenti ċivili u anki żviluppaw il-bażijiet tagħhom taħt l-isptarijiet u l-iskejjel taz-zona.

U filwaqt li żdiedet il-kundanna għall-Iżraeljani minħabba l-qtil u feriment kontinwu ta’ ċivili waqt il-kumbattimenti mal-Ħamas, il-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu insista li ma jaffordjax inaqqas mill-qilla tal-offensiva għaliex dan għandu ‘jagħti nifs ġdid lill-Ħamas’ biex jorganizza ruħu mill-ġdid u jwettaq aktar azzjonijiet terroristiċi kontra ċ-ċivili fl-artijiet ta’ Iżrael ‘il hinn mill-fruntiera ta’ Gaza.

U waqt li l-gwerra qed tkompli, il-Palestinjani msieħba mal-istaff mediku f’Gaza żvelaw lill-aġenziji tal-aħbarijiet barranin li huma spiċċaw umiljati, imsawwtin u mġiegħelha jwettqu affarijiet kontra l-volontà tagħhom mill-militar Iżraeljan. Dawn ir-reati, skont huma, seħħew diversi drabi u fejn fuq kollox issemma l-isptar ta’ Nasser bħala ‘zona ewlenija għal dawn l-abbużi’.

Numru ta’ tobba qegħdin jinsistu b’din il-versjoni huma u jkellmu lill-aġenziji tal-aħbarijiet, bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi. Dan meta huma qed jibżgħu mir-riperkussjonijiet min-naħa tal-Armata Iżraeljana li qed tinfiltra dejjem aktar ‘il ġewwa fil-Medda ta’ Gaza.

It-tobba semmew ukoll każi ta’ tortura fejn is-suldati, allegatament, sawwtuhom għal kull ħaġa ta’ xejn minbarra li tefgħulhom id-doċoċ tal-ilma kiesaħ minn ħin għal ħin anki waqt li l-istaff mediku kien għaddej b’xogħlu. Il-kelliema anki semmew sitwazzjonijiet fejn il-militar sforza lill-mediċi Palestinjani biex jibqgħu għar-rkubbtejhom b’mod mill-aktar skomdu u għal sigħat sħaħ – b’uħud jispiċċaw priġunieri tas-suldati għall-jiem konsekuttivi.

Sadanittant, Iżrael qal li s-suldati tiegħu qed ikunu attenti biex l-istaff fl-isptarijiet tal-Palestinjani ma jisfawx vittmi tal-gwerra li ilha mis-7 ta’ Ottubru…Il-jum meta l-Ħamas kienu infiltraw l-artijiet Iżraeljani u mmassakraw il-mijiet tal-familji fost il-ħtif tal-ostaġġi.

Il-kelliema għall-militar Iżraeljan sostnew li kwalunkwe abbuż ta’ priġunieri – sewwa jekk huma ċivili jew membri tal-istaff mediku – imur kontra d-direttivi speċifiċi tal-Gvern lis-suldati tiegħu u li aġir bħal dan hu strettament ipprojbit mill-Ogħla Tmexxija f’Tel Aviv.

L-isptar ta’ Nasser hu l-aħħar kumpless mediku li għadu jiffunzjona fil-belt ta’ Khan Younis lejn in-Nofsinar ta’ Gaza – bis-servizzi sigrieti Iżraeljani qed jinsistu li l-isptar u kumplessi mediċi oħrajn f’Gaza qegħdin iservu bħala moħbiet għall-aġenti u t-terroristi tal-Ħamas.

Fl-istess ħin, Iżrael tenna li l-ostaġġi li nħatfu mill-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru għamlu żmien jinżammu proprju f’dan l-isptar u l-kumplessi ta’ fejda madwar Gaza – u li wħud mill-ostaġġi li nħelsu f’dawn ix-xhur ukoll ikkonfermaw li huma qattgħu żmien bħala ‘priġunieri taħt l-art tal-isptar ta’ Nasser’.

Min-naħa tagħhom, il-Ħamas qed ikomplu jinsistu li l-ebda wieħed mill-ġellieda tagħhom qed imexxi l-konflitt mill-faċilitajiet mediċi ta’ Gaza.