Lokali Parlament

Jeħtieġ liġi b’saħħitha kontra l-vjolenza fuq l-anzjani


Paula Mifsud Bonnici, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici sostniet fil-parlament li jeħtieġ liġi b’saħħitha kontra l-vjolenza fuq l-anzjani.


Paula Mifsud Bonnici qalet li n-numru ta’ korrimenti li jkun hemm fuq adulti anzjani hu wieħed kbir u ma jinkludix lil dawk li ma jfittxux it-trattament minħabba li ċertu anzjani jibżgħu jirrapportaw għax ma jkunux jistgħu jitkellmux fuq il-vjolenza li jkunu qed isofru.


Hi semmiet l-abbużi li jsofru l-anzjani u qalet li l-vjolenza kontra l-anzjani l-aktar li seħħ tkun fid-dar. Bejn l-2012 u l-2023, il-pulizija rċeviet 630 każ ta’ ġenituri li sfaw vittmi ta’ vjolenza domestika minn uliedhom li minnhom 225 każ kienu ta’ vittmi missirijiet waqt li 405 kienu ta’ ommijiet. Nofs il-vittmi kellhom 60 sena jew iktar.


Jirriżulta li f’San Vinċenz kien hemm ħames każijiet ta’ vjolenza fl-aħħar sentejn. Hemm ukoll każi f’diversi homes fejn ittieħdu passi u hemm numru ieħor li ma jkunu rapportati minħabba biża’.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-edukazzjoni hi kruċjali biex din is-sitwazzjoni titranġa. Jeħtieġ liġi speċifika li tħares lill-anzjani minn kull abbuż, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li issa l-liġi se terġa’ toħroġ għall-konsultazzjoni. Jeħtieġ ukoll li jsir reġistru ta’ persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ abbużi fuq l-anzjani. Minkejja d-diskors kollu li qal, il-gvern iżda s’issa għadu ma għamel xejn.


Il-pubbliku għandu jkun informat dwar l-abbuż tal-anzjani, sostniet Paula Mifsud Bonnici, li kompliet li kulħadd għandu rwol biex l-abbużi fuq l-anzjani jkunu evitati.