Lokali

Jinżamm arrestat fuq allegat każ ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu

Żagħżugħ ta’ 29 sena inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fuq każ ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu li allegatament seħħ nhar il-Ħadd li għadda, bejn id-9.00 am u nofsinhar. Każ simili kien seħħ ġimgħa qabel.

Tarek Khodir mill-Ħamrun ġie mixli li kkaġuna biża li se tintuża vjolenza fuq l-eks sieħba tiegħu u l-propjetà tagħha. Ġie mixli wkoll li kkaġuna ferita ħafifa fuqha, li għamel ħsara fuq il-karozza tagħha ta’ aktar minn 250 ewro iżda inqas minn 2,500.

Ġie mixli wkoll li saq karozza b’manjiera traskurata, perikoluża u bla kont, li nġurja lill-allegata vittma b’mod li ħareġ barra mill-limit tal-provokazzjoni u li kiser il-paċi pubblika.

Khodir ġie mixli wkoll li fit-3 ta’ Marzu li għadda bejn l-10am u l-11am. Fi Triq ġewwa Birkirkara għamel ħsara fuq żewġ roti ta’ karozzi tal-allegata vittma u li hedded lill-allegata vittma.

Huwa ġie mixli wkoll li sar riċediv b’sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef talbet lill-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni għal benefiċċju tal-eks sieħba tiegħu.

Waħda mill-allegati theddid kien li l-mara marret tixtri u daħal fiha bil-karozza tiegħu għal fuq tagħha u ħareġ mill-karozza u beda jsawwatha. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Benjamin Valenzia għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet oppożizzjoni mill-prosekuzzjoni minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi u li huwa każ serju. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ fuq is-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni. L-Avukat Marita Pace Dimech deheret bħala parte civile fil-każ.