Il-kowċ ta’ Lecce Roberto D’Aversa kien imkeċċi lbieraħ wara inċidenti li nqalgħu fi tmiem il-logħba tal-Ħadd bejn Lecce u Hellas Verona, logħba li kienet mirbuħa minn Verona 1-0.
Fi tmiem il-logħba kien hemm xi argumenti fil-grawnd, l-iktar bejn il-plejer ta’ Lecce Marin Pongracic u l-attakkant ta’ Hellas Verona Thomas Henry.
Il-kowċ ta’ Lecce D’Aversa intervjena biex apparentement jikkalma s-sitwazzjoni, iżda minflok hu deher jagħti daqqa ta’ ras lil Thomas Henry.
Dan l-inċident seħħ propju taħt għajnejn wieħed mill-uffiċjali li kkontrollaw il-logħba.
Kemm il-plejer ta’ Verona Henry kif ukoll il-kowċ D’Aversa kienu mkeċċija mir-referee wara dan l-inċident.
Mill-filmati ta’ dak li seħħ kien konfermat li D’Aversa ta daqqa ta’ ras f’wiċċ Henry u dan minkejja li D’Aversa ċaħad li għamel dan.
Fi stqarrija, il-klabb ta’ Lecce qal li wara dak li seħħ il-Ħadd kienu qed ikeċċu lil D’Aversa.
Roberto D’Aversa li għandu 48 sena fil-passat mexxa wkoll lil Parma u Sampdoria.
Hu nħatar kowċ ta’ Lecce f’Ġunju li għadda. Lecce kellhom bidu tajjeb f’dan l-istaġun fejn kienu meqjusa bħala s-sorpriża tal-kampjonat iżda r-rendiment tagħhom inbidel u issa jinsabu biss punt ‘l bogħod miż-żona tar-relegazzjoni.
//= $special ?>