Lokali

L-esperjenza ta’ raġel li spiċċa barra fit-triq

Tkompli toħroġ fid-deher ir-realtà diffiċli li qed jaffaċċjaw numru ta’ persuni li qed ibatu fis-silenzju – inkluż persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Waqt il-programm ‘Kuntatt’ fuq Net FM raġel li spiċċa f’din is-sitwazzjoni spjega kif ġie imċaħħad mill-pensjoni tad-diżabbiltà severa.

Fit-telefonata tiegħu fuq ir-radju, hu fisser kif kien applika għal din il-pensjoni wara li għamlu kuntatt miegħu minn Kastilja.

Apparti minn hekk, ir-raġel spjega s-sitwazzjoni li jinsab fiha hekk kif ilu ‘il fuq minn 8 xhur jorqod fil-karozza tiegħu għaliex m’għandux flus. Bl-anzjan jgħid li qalulu li ma jikkwalifikax għal din il-pensjoni peress li għandu ‘ il fuq minn 60 sena.

Matul l-aħħar xhur bosta anzjani ilmentaw li bil-pensjoni li għandhom mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar speċjalment meta l-prezzijiet ta’ diversi prodotti essenzjali qed ikomplu jogħlew – ġimgħa wara l-oħra. Dan apparti li fl-aħħar ġimgħat il-Ministru Michael Falzon m’assigurax li l-ġenerazzjoniet futuri se jkollhom pensjoni assigurata.