Mark Anthony Sammut, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal fil-parlament li l-Prim Ministru Robert Abela vvota kontra l-liġi dwar ġid mhux spjegat minħabba l-kuntatti li u martu Lydia Abela għandhom ma’ Christian Borg.
Mark Anthony Sammut qal li l-gvern qed jgħin lill-kriminali u semma’ lil Christian Borg, il-ħabib tal-Prim Ministru, li miegħu l-Prim Ministru kien jinnegozja l-art bil-konvenju. Dan hu l-istess persuna li kien jgħaddi u jricievi l-eluf mingħand il-Prim Ministru u martu. Dawn huma l-istess kontijiet li l-BOV talab li jkunu investigati.
Id-deputat Nazzjonalista qal li Lydia Abela rrifjutat li tagħti ir-returns tat-taxxa lill-BOV għall-investigazzjoni; dan għax hi ma kellhiex spjega dwarhom.
F’Jannar 2022 Christian Borg ittella’ l-qorti u kien akkużat fuq drogi, traffikar, ħasil ta’ flus u dark web u li l-fondi llegali li daħħal kien jaħsilhom bil-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi. Xahrejn wara li kien magħruf li Christian Borg kien suspettat li kien qed jaħsel il-flus, il-LESA tagħtu kuntratt ta’ kiri ta’ karozzi bil-€4 kull karozza kuljum. Dan meta l-kuntratti l-oħra kienu ta’ €12. Il-prezz li kkompeta bih Christian Borg hu wieħed redikolu u mhux kummerċjalment vijabbli; propju għax l-iskop tiegħu kien li jinħaslu l-flus.
Id-deputat Nazzjonalista qal li Christian Borg ma kienx qed ifittex qligħ minn dawn il-kumpaniji iżda kien qed iwettaq ħasil ta’ flus. Anki Transport Malta, fl-istess April, tagħtu offerta oħra għall-kiri tal-karozzi waqt li kien hemm l-appell.
Sakemm dan l-appell inqata’, Transport Malta kienu diġà ħarġu sejħa għall-kwotazzjonijiet. Din inħarġet fis-17 ta’ Frar u kienet tagħlaq erbat ijiem wara. L-operaturi l-oħrajn bagħtu l-kwotazzjonijiet separati iżda fl-9.56 pm, Transport Malta bagħtet email li kien se jkun hemm estenzjoni fil-ħin tal-għeluq sa 11.45 p.m.
Dan sar biex ikun hemm il-ħin biex il-kowtazzjoni ta’ Christian Borg tittejjeb. Jirriżulta li Transpotr Malta diġà kienu qed jikru l-karozzi mingħand Borg; liema karozzi kienu diġà għand Transport Malta għax kienu ingħataw b’direct order.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li fl-2019 kienet sospiża l-liċenzja tal-public service garage lil Christian Borg iżda sena ilu, dan tilef l-appell fil-qorti. Sena wara dik is-sentenza, Transport Malta għadha tikri l-karozzi mingħand l-istess kumpaniji ta’ Christian Borg. Il-banek iddikjaraw li lil Borg għalqulu l-kontijiet bankarji kollha u għalhekk mhux magħruf kif qed jitħallas l-istess Christian Borg.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Ministru tat-Trasport għandu jgħid x’se jagħmel quddiem din is-sitwazzjoni u sostna li jidher li dan il-każ hu parti mill-investigazzjonijiet li qed isiru mill-BOV. Allaħares li l-aġenziji tal-gvern qed jgħinu lill-kriminali jaħslu l-flus.
Għalhekk hemm il-biża’ minn Robert Abela u Lydia Abela kull meta jissemma’ Christsian Borg, li miegħu kienu jagħmlu l-kuntratti. Għalhekk Robert Abela ivvota kontra l-liġi dwar il-ġid mhux spjegat.
Mark Anthony Sammut qal li hu inkwetanti li l-gvern jitħanżer u jberaq fuq tal-qalba u jipproteġi kriminali u fl-istess ħin l-aktar nies vulnerabbli fis-saħħa jingħataw bis-sieq. Il-gvern imissu jistħi li niżżel il-pajjiż f’dan l-istat.
Mark Anthony Sammut tkelem ukoll dwar is-saħħa u qal li l-estimi tal-budget huma irrilevanti għax f’nofs il-ftaħir tal-gvern, is-sistema tas-saħħa kkrollat.
Il-gvern qed jitqammel mal-pazjenti tas-saħħa mentali billi issa mhux se jagħmel l-isptar ġdid tas-saħħa mentali; propju meta l-problemi tas-saħħa mentali qed jikbru. Dawn id-diffikultajiet qed iwasslu għal suwiċidji iżda l-gvern għażel li jwarrab dan il-proġett ta’ sptar ġdid. Fattur ewlieni għall-ansjetà hi l-qagħda politika fil-pajjiż fejn iċ-ċittadin jaf li jekk ifittex mhux se jsib l-istituzzjonijiet jipproteġuh.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li għas-saħħa mentali l-gvern ma sabx flus iżda biex jaħli €400 miljun fi frodi fuq l-isptarijiet, sab. Hu qal li kien iltaqa’ ma’ familji u persuni li għandhom tfal u adulti b’diżabbiltà severa li ma jistgħux jieklu b’mod normali iżda jridu jieħdu biss likwidi li jieħduh minn feeder imqabbad mal-istonku tagħhom.
Il-gvern biddel il-prodott li dawn kienu jieħdu u li jgħixu fuqu biss. Wara diversi xhur it-tfal li kienu qed jieħdu dan il-prodott, bdew jitilfu l-piż. Il-gvern kien diġà irtira dan il-prodott mill-ispiżeriji tiegħu għax ma kienx tajjeb. Is-sena li għaddiet il-l-Awtorità tal-Kuntratti kienet iddikjarat li dan il-prodott ma’ kienx nutrittiv biżżejjed.
Id-deputat Nazzjonalista qal li tliet ġimgħat ilu z-zija tiegħu daħlet l-isptar u bidluha s-sala 11-il darba. Hu qal li zitu ħarġet mejta mill-isptar wara li din ħadet infezzjoni fuq oħra.
Din is-sitwazzjoni li qed jesperjenza l-poplu Malti; li l-pazjenti jidħlu l-isptar u jmorur għall-agħar. Hu semma’ f’Mater Dei swali fejn m’hemmx toilets u fejn pazjenti qed ikollhom jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom fl-art fuq ħarqa.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-customer care tal-Isptar Mater Dei qed jitolbu lill-anzjani biex jibgħatu l-emails għall-ilmenti tagħhom; dan hu nuqqas kbir ta’ immaniġġajr fl-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei għaliex l-anzjani diffiċli jibgħatu l-emails. Dan l-isptar kien state of the art iżda illum il-poplu jibża’ jidħol fih. Dan hu l-aqwa żmien għall-but tan-nies tal-gvern, għal dawk li jitħanżru u għall-kriminali li jipproteġi l-gvern!, sostna Mark Anthony Sammut.