Lokali Qorti

Tinħatar Inkjesta Maġisterjali wara li sparixxa l-laptop ta’ Fr Luke Seguna mill-kamra tal-esebiti fil-Qorti

Wara li sparixxa l-laptop tal-eks Kappillan ta’ Marsaxlokk Luke Seguna l-Pulizija ordnat li ssir Inkjesta Maġisterjali.

Fil-Qorti sar magħruf li sparixxa dan il-laptop wara li espert tal-Qorti ġie appuntat sabiex jeżaminah fejn imbagħad ġie infurmat li l-laptop mhuwiex fil-kamra fejn tinżamm l-evidenza.

Il-laptop ta’ Seguna ġie esebit fil-Qorti lura f’Ġunju tas-sena li għaddiet u wara kien inżamm fil-Kamra tal-evidenza.

Wara dan l-għajbien Luke Seguna fetaħ kawża kostituzzjonali fejn qed jgħid li jinkiser id-dritt tiegħu għal ġuri ġust.

Fr Luke Seguna qed jaffaċċja akkużi relatati ma’ frodi, miżaprozzjoni ta’ fondi kif ukoll ħasil ta’ flus li jammontaw għal €500,000 fuq medda ta’ 10 snin. Bil-Kappillan qed iwieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi.