Lokali Qorti

Akkużat li ħebb għal sieħbu b’ħadida

...għax mar quddiem id-dar tiegħu b’pepper spray taż-żwiemel

Bernard Attard ta’ 32 sena minn Ħaż-Żebbuġ, ġie mixli b’theddid u li ħebb u kkawża ġrieħi ħfief lil ħabib tiegħu. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor filwaqt li hu riċediv.

Hu tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea. Il-prosekuzzjoni qalet li fis-6 ta’ Marzu, l-allegat vittma mar quddiem il-bieb ta’ Attard u dan ħareġ għalih b’ħadida, kissirlu l-karozza, ħebb għalih u kkaġunalu ġrieħi ħfief. 

Fil-Qorti rriżulta wkoll li l-vittma ħebb għal missier l-akkużat u kkaġunalu wkoll ġrieħi ħfief. L-ispettur qal li l-vittma se jkun qed jitressaq il-qorti fil-jiem li ġejjin. Minn informazzjoni li għandu NET News il-vittma mar quddiem il-bieb ta’ Attard b’pepper spray taż-żwiemel u allega li l-akkużat ingannah dwar ftehim fuq karozza. 

Irriżulta wkoll li l-vittma sprejja l-pepper spray fuq Attard u missieru, u kawża ta’ dan l-aġir qamet kommossjoni. Attard wieġeb mhux ħati, bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-akkużat kien taħt ‘police bail’ u dakinhar tal-allegat reat minflok ma ċempel lill-pulziija, huwa ħareġ għall-vittma b’ħadida biex jikkonfrontah.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiffirma l-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ kull nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa, u jiddepożita s-somma ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni fuq l-allegat vittma, liema talba ntlaqgħet.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb u Alexander Scerri Herrera.