Lokali

Manuel Cuschieri jkompli jikxef il-qasma li hemm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Iżżid il-pressjoni fuq Robert Abela min-nies ta’ Muscat

It-Tlieta filgħaxija kompla joħroġ aktar evidenti t-taqbid intern li hemm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bejn il-faxxa ta’ Joseph Muscat u dik ta’ Robert Abela – qasma li kull ma tmur qed toħroġ fil-beraħ bejn l-hekk imsejħa antiki u ġodda.

Dan hekk kif il-propogandista tal-Labour, Manuel Cuschieri tard it-Tlieta filgħaxija żvela li matul il-jum tat-Tnejn il-Labour kellu jdaħħal lura lil Rosianne Cutajar – imma din il-laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista ġiet posposta fl-aħħar ħin.

Manuel Cuschieri allega li dan seħħ wara d-diskors ta’ Muscat is-Sibt filgħaxija fi Pjazza Tritoni.

Manuel Cuschieri insista li Cutajar għaddejja, minn martirju, kalvarju u tortura għaliex ma tifformax parti mill-Grupp Parlamentari Laburista – wara li rriżenjat minħabba l-impjieg fantażma mal-ITS – u kemm-il darba b’mod sottili xeħet il-botti kontra dawk li ma kienux joħorġu għonqhom għal-Labour meta kienu fl-Oppożizzjoni…fosthom ironikament il-Prim Ministru nnifsu Robert Abela li beda juri wiċċu mal-Labour malli bdew jirbħu. Dan minkejja li missieru kien Deputat Mexxej tal-Malta Labour Party.

Cuschieri saħaq li se jkompli jwettaq pressjoni fuq it-tmexxija tal-Labour biex Rosianne Cutajar tiddaħħal lura – pressjoni assoluta fuq Robert Abela biex ibaxxi rasu u jċedi għaliex jidher li qed jitlef il-kontroll b’mod totali.

Wirja totali ta’ dgħjufija minn naħa tal-Mexxej Laburista quddiem ukoll il-predeċessur tiegħu. Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat ħareġ aktar ovvju li Muscat għad għandu influwenza qawwija fuq il-partitarji u attivisti Laburisti aktar minn Robert Abela.

Qasma li ħarġet b’mod ċar anke mid-diskors ta’ Cuschieri hekk kif ta x’jifhem li l-Laburisti jridu lil Muscat joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – liema kandidatura skont il-propogandista Laburista qed tiġi mxekkla wkoll minn xi negozjanti.

Għaldaqstant Cuschieri spiċċa jhedded lil dawn l-allegati nies li jekk jibqgħu jindaħlu se jikxef isimhom.

Dan filwaqt li minn diskorsu ħarġet ċar il-qasma li hemm bejn dawk li ddeskriva bħala Laburisti ta’ vera….u dawk li jifformaw parti mill-Partit imma f’għajnejh m’humiex Laburisti ġenwini.

Għaldaqstant din hija s-sitwazzjoni li għandu quddiemu Robert Abela – imexxi ‘l quddiem il-pajjiż u jitbiegħed mill-kriżi politika tal-2019 u dawk li kienu jiffurmaw parti minnha…..jew jerġa’ jiftaħ il-bieb beraħ għal dawk li żbaljaw u li l-poplu niżel fit-toroq biex jeħles minnhom.