Lokali Parlament

Din mhix Malta li naf jien


Rebekah Borg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet fil-parlament li tant qed isiru bidliet negattivi f’Malta, li l-pajjiż illum m’għadux jingħaraf minn kif kien qabel.


Rebekah Borg semmiet il-Belt u qalet li din llum saret qisha ristorant wieħed minħabba li numru kbir ta’ ristoranti qed joħonqu kullimkien b’diffikultajiet kbar għall-komunità u t-turisti.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern m’għamel xejn dwar l-imwejjed li jitpoġġew barra r-ristoranti u l-abbużi li qed isiru. Hemm frammentazzjoni kbira fil-liġi għaliex hemm numru ta’ awtoritajiet li huma involuti fil-kontrolli meħtieġa. Il-PN jifhem li għandu jkun hemm imwejjed barra għaliex hi parti mill-kultura tal-poplu Malti iżda l-gvern għandu jassigura li dan isir b’bilanċ.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li llum hawn persuni li jfittxu fiż-żibel biex isibu l-fliexken tal-plastic biex tieħu l-10ċ biex jixtru l-ikel għal uliedhom. L-inizjattiva tal-BCRS saret finanzjarja u mhijiex ambjentali, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li fil-Belt illum hemm anki t-tallaba waqt li f’diversi ġodda madwar il-pajjiż, numru ta’ nies qed jispiċċaw jorqdu barra. Problema oħra hi l-faqar li qed jolqot lil persuni li m’għandhomx x’jieklu.


Il-gvern ħoloq problema ta’ popolazzjoni esaġerata iżda qed ikompli jaħdem biex it-turiżmu jkun wieħed tal-massa. Fil-fatt irid ikun hawn 4.7 miljun turist biex jimtlew il-postijiet maħluqa f’din l-industirja. Il-pajjiż jiflaħ dan l-ammont?


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern instab ħati fil-mewt u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ Jean Paul Sofia. Mhux ta’ b’xejn li l-Prim Ministru ma riedx jagħmel dawn l-inkjesti. Illum Malta reġgħet ġiet kolonizzata minn gvern Laburista li ħataf taħt idejh l-awtoritajiet kollha fejn il-korruzzjoni kibret u saret l-ordni tal-ġurnata, sostniet id-deputat Nazzjonalista.