Lokali

Għada vot importanti fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja b’rabta mal-Inkjesta Sofia

Il-Ministru Miriam Dalli tfarfarha fuq il-Ministru Silvio Schembri

Il-Ministru Miriam Dalli ma tridx terfa’ responsabbiltà politika b’rabta mal-eżitu tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u minflok …bis-silenzju tagħha, farfritha fuq il-predeċessur tagħha responsabbli mill-Malta Enterprise – ċioè l-Ministru Silvio Schembri. Dan hekk kif lura fl-2019 – meta l-Malta Enterprise approvat l-iżvilupp f’Kordin – bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Innovazzjoni kien hemm il-Ministru Schembri, li ironikament qed ipoġġi fil-working group li ħatar Robert Abela biex jitjiebu l-liġijiet tal-kostruzzjoni.

U fid-dawl li assolutament ħadd ma refa’ responsabbiltà politika min-naħa tad-Deputati Laburisti, il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex il-Ministri responsabbli min-nuqqasijiet li sabet l-Inkjesta għandhom jiġu sfiduċjati – ċioè l-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi, Silvio Schembri u Miriam Dalli.

Il-mozzjoni ta’ sfiduċja se tkun diskussa l-Ħamis waranofsinhar fil-Parlament.

B’rabta ma’ dan, staqsejna lil Miriam Dalli jekk mhux se terfa’ responsabbiltà politika …bil-Ministru tfarfarha u ma toħroġx għonqha għal ta’ qabilha; bis-sempliċi skuża li hi fl-2019 kienet għadha Ewroparlamentari.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex il-Gvern jagħmel apoloġija mal-familja ta’ dan iż-żagħżugħ talli vvota kontra l-inkjesta pubblika …u li l-Parlament  jadotta r-rapport sħiħ tal-bord tal-inkjesta. Dan filwaqt li qed issir pressjoni mill-PN sabiex ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati fi żmien sitt xhur u li jingħata rapport dwar il-progress kontinwu lill-Parlament kull erba’ ġimgħat.