Lokali Qorti

Ħabs għal żewġ Rumeni wara li ammettew serq fir-Rabat

Żewġ Rumeni, Andrei Nistor ta’ 51 sena u Lucian Serban ta’ 38 sena, ngħataw sentenza ta’ ħabs wara li wettqu ‘pick pocketing’ fir-Rabat. L-ispettur qal li l-akkużati allegatament serqu xi flejjes li jammontaw għal madwar 200 ewro u cards bankarji ta’ xi turisti.

Nistor ġie mixli wkoll li sar ricediv. Iz-zewg imputati ammettew għall-akkuzi miġjubin kontrihom. L-avukati difensuri qalu li r-Rumeni se jħallsu l-flus lura misruqa minnhom. Qalu wkoll li ammettew serq sempliċi. Il-Magistrat Charmaine Galea qalet iżda li jfissirx li għax l-akkużati ammettew u se jħallsu l-flus lura, mhux se jingħataw il-piena misthoqqa.

Qalet li ma nistawx nippermettu serq f’pajjiżna, u ghax jitħallsu l-flus lura, minn iwettaq is-serq ma jmurx il-ħabs, għax qiesu ma ġara xejn. Wara li l-qorti spjegat lill-akkużati l-piena abbinata mal-ammissjoni tagħhom, ikkundannat lil Andrei Nistor sitt xhur ħabs u lil Lucian Serban tliet xhur priġunerija.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri. Ghal Nistor deher l-avukat Lennox Vella filwaqt li għal Serban deher l-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar.