Bosta għaqdiet ippreżentaw lista ta’ emendi proposti għall-Abbozz ta’ Liġi li beħsiebu jelimina l-protezzjonijiet minimi li hemm fis-seħħ u li attwalment igawdu minnhom il-kerrejja permezz tal-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati.
Dan id-dokument konġunt ġie mibgħut lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, u lix-Shadow Minister, Ivan Bartolo.
Il-kontroproposti ġew imfassla minn Solidarjetà, Moviment Graffitti, u Malta Tenant Support, u sabu l-appoġġ ta’ bosta għaqdiet li jaħdmu fl-oqsma soċjali.
L-għaqdiet huma mħassba ferm dwar l-emendi proposti li għandhom l-għan li jdgħajfu l-pożizzjoni diġà prekarja tal-kerrejja, filwaqt li jsaħħu l-poter u l-profitti ta’ sidien il-kera.
Jekk l-emendi tal-Gvern kontra l-kerrejja jgħaddu, dawn se jaggravaw sitwazzjoni diġà gravi għan-nies l-iktar vulnerabbli tas-soċjetà. Il-ligi kurrenti tal-kera f’Malta hija waħda mill-iktar li tmur kontra l-kerrejja fl-Unjoni Ewropea. Pereżempju, fi Spanja, il-kuntratti tal-kiri għandhom tul minimu ta’ ħames snin, b’perjodu di fermo ta’ sitt xhur. Din ifisser li, fi Spanja, il-kerrejja għandhom id-dritt li joqogħdu fil-proprjetà tal-kiri għal ħames snin, u jistgħu joħorġu mill-kuntratt mingħajr penali wara l-ewwel sitt xhur. F’Malta, it-tul minimu ta’ kuntratt tal-kiri huwa ta’ sena biss.
Permezz tal-emendi proposti mill-Gvern, apparti l-prekarjetà infurzata b’kuntratti daqstant qosra, il-kerrejja se jkunu sfurzati li joqogħdu fil-proprjetà tal-kiri għat-tul kollu tal-kuntratt, u ma jkunux jistgħu jsibu proprjetà aħjar jew jaħarbu minn sidien abbużivi. Ħafna kerrejja ma jistgħux jaffordjaw li jitilfu d-depożitu tagħħom jew li jinżammu responsabbli għat-telf tad-dħul mill-kiri tas-sid. Fl-aħħar mill-aħħar, is-stat tas-suq tal-kiri Malti huwa wieħed żbilanċjat favur is-sidien, u ma nistgħux ngħidu li hawn nuqqas ta’ kerrejja jfittxu proprjetà għall-kiri.
L-għaqdiet li ppreżentaw lista ta’ emendi proposti huma l-Moviment Graffitti; is-Solidarjetà – Workers’ and tenants’ union; il-Malta Tenant Support; il-YMCA; l-OASI; l-Anti Poverty Forum – Malta; is-St Jeanne Antide Foundation; iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara (ŻĦN); il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ); il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU); Żminijietna – Voice of the Left; l-Alleanza Kontra l-Faqar; Migrant Women Association Malta; Spark 15; l-African Media Association Malta; Dance Beyond Borders; il-University Students of Performing Arts (USPA); l-Association of Students of Commercial Studies (ASCS); l-Earth Systems Association; il-Malta Biochemistry Students’ Association (MBSA); Betapsi, u Kollettiv Żgħażagħ EkoXellugin.
//= $special ?>