Lokali Qorti

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ ma jridx jirriżenja – Il-Ministru Dalli qed tibqa’ taqbeż għalih

Żvelat li l-Qorti qalet li Bilocca għandu jiġi akkużat li wassal għal mewt ta’ Joseph Ellul f’Mejju 2022

Skont il-Maġistrat Elaine Rizzo, il-Kap Eżekuttiv tal- WasteServ Richard Bilocca – flimkien ma’ 4 oħra – għandu jitressaq il-Qorti akkużat li b’nuqqas ta’ ħila, jew bi traskuraġni jew nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti…wassal għall-mewt ta’ Joseph Ellul f’Mejju tal-2022. Fatti li ħarġu minn dokumenti żvelati fl-aħħar jiem mill-avukat Jason Azzopardi.

Madanakollu – minkejja dak li ngħad fil-proċess verbal mill-Maġistrat Rizzo f’April tal-2023….s’issa, kważi sena wara, għal xi raġuni l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg għadha m’għamlet assolutament xejn.

Kien għalhekk li l-ġurnalisti staqsew kemm lill-Ministru responsabbli Miriam Dalli kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca domanda sempliċi ħafna – x’qed jistennew biex jirriżenja Bilocca. Iżda kollox qed jindika li minkejja dawn l-allegazzjonijiet serjissimi…huwa determinat li jibqa’ jżomm postu. Dan hekk kif huwa ċar li qed isib lill-Ministru taqbeż għalih.

U minkejja li fir-rimarki tagħha, il-Maġistrat Rizzo sabet li l-attitudni ta’ Bilocca kienet tmur għal kollox kontra l-prinċipju ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol…il-Ministru Dalli saħqet eżattament il-kontra.

Richard Bilocca kien iddeskriva l-kaġun li wasslet għall-mewt ta’ Ellul bħala att stupidu – bil-Kap Eżekuttiv issa jogħġbu ma jikkumentax mal-ġurnalisti.

Mistoqsi kemm-il darba jekk mhux se jirriżenja, Bilocca saħaq li l-WasteServ diġà kkumentat xhur ilu.

Il-WasteServ kienet ċaħdet l-involviment tagħha fil-mewt ta’ Ellul u saħqet li t-tmexxija kienet għadha titqies bħala preżunta innoċenti.

Madanakollu mistoqsi minn Net News jekk hu kienx se jissospendi lilu nnifsu sakemm inaddaf ismu…Bilocca kompla jaħrab mid-domandi.

Għaldaqstant minkejja li erbat ijiem ilu ġie żvelat dak li qed tissuġerixxi l-Maġistrat Elaine Rizzo …kollox donnu se jkun qed jibqa’ status quo. Dan apparti li Bilocca qed jimxi l-oppost ta’ Carmen Ciantar, illi wara allegazzjonijiet li saru fuqha mill-media fil-Pakistan kienet issospendiet ruħha.