Lokali

Joseph Muscat irrabjat li Robert Abela ordna lil One TV jinjorawh u ma jirrappurtawhx

Għal ta’ One TV l-attività tal-massa organizzata suppost minn dawk qrib il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nhar is-Sibt li għadda filgħaxija fi Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta ma kinetx mhux biss tiffigura fl-aġenda iżda daqslikieku qatt ma saret!

F’din l-attività tal-massa – iżda fejn il-massa ma tfaċċatx għaliex Pjazza Tritoni kienet ferm ’il bogħod milli timtela – il-mistieden speċjali kien l-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej Laburista Joseph Muscat.

Arja ta’ apatija rrenjat waqt l-attività kollha bil-Laburisti jitkellmu bejniethom dwar kemm sejrin ħażin u kemm l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin minn ħażin għall-agħar. Mhux biss, iżda saħansitra Laburisti jheddu li huma lesti li kemm-il darba l-affarijiet ma jinbidlux, allura fl-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju ħadd mill-partit m’għandu jistenna l-vot tagħhom.

Imma ċ-ċirasa fuq il-kejk dwar dan kollu hu kif ta’ Kastilja ordnaw lil tal-One TV biex jinjoraw għalkollox din l-attività u mhux biss ma jagħtuha l-ebda pubbliċità jew isemmuha, iżda lanqas biss jagħmlu xi forma ta’ rappurtaġġ dwarha fl-aħbarijiet tal-istazzjon.

Din mhix l-ewwel darba li ta’ Kastilja ħarġu b’din il-forma ta’ ordni fil-konfront ta’ One TV. L-istess kienu għamlu meta Joseph Muscat kien ta intervista lil stazzjon privat tat-televiżjoni. Anki dakinhar l-ebda rappurtaġġ ta’ dik l-intervista u bħal qisu qatt ma saret.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li dan kollu qiegħed jurta bis-sħiħ lil Joseph Muscat għall-fatt li qiegħed jara u direttament iħoss l-atteġġjament negattiv ta’ dawk f’Kastilja li kieku jistgħu jeliminawh darba għal dejjem mix-xena politika.

Il-bużillis ta’ kollox iżda hu l-fatt li filwaqt li minn fuq il-palk smajna kelliema jitkellmu dwar imħabba u mhux imħabba u dwar għaqda u mhux għaqda, fil-verità fil-Partit Laburista hemm rebus sħiħ ta’ ġlied u diverġenzi, ta’ gambetti u vleġeġ… bl-apiċe tas-sitwazzjoni tkompli tiddeġenera fejn jidħlu l-klann ta’ Robert Abela u l-klann ta’ Joseph Muscat fejn l-animożità hi fl-aqwa tagħha.

Kollox rifless ukoll fl-istejjer li qegħdin ikunu pubblikati… issa wkoll anki dwar affarijiet meqjusa privati u personalizzati bħal tansazzjonijiet ta’ flejjes f’kontijiet bankarji… dan b’riferenza għal dak pubblikat il-Ħadd li għadda dwar il-kontijiet ta’ Robert Abela u tal-familja Abela fil-Bank of Valletta!

Il-ġlied fi ħdan il-Gvern Laburista u fi ħdan il-Partit Laburista hu fl-aqwa tiegħu iżda s-sabiħa hi li bosta drabi l-għedewwa qegħdin jingħaqdu ma’ xulxin kemm-il darba l-għadu komuni tagħhom ikun Robert Abela li tul is-snin li ilu fit-tmexxija tal-Gvern u tal-Partit Laburista rnexxielu jagħmel kullana ta’ għedewwa.

Imma attwalment is-saħħa tinsab biss f’idejn ta’ Kastilja u l-ordni tagħhom biex l-attività tas-Sibt li għadda tkun injorata għalkollox mill-One TV kienet osservata bil-punto e virgola.

Sadanittant ilbieraħ waranofsinhar il-Partit Laburista ħareġ stqarrija dwar l-attività tas-Sibt li għadda iżda għal darb’oħra injora għalkollox id-diskors tal-Eks Mexxej Laburista Joseph Muscat li ismu ssemma biss fl-aħħar sentenza tal-istqarrija għall-istampa!