Lokali Parlament

L-agrikoltura u s-sajd mhumiex prijorità għall-gvern Laburista


Toni Bezzina, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li l-agrikoltura u s-sajd mhumiex prijorità għall-gvern Laburista.


Toni Bezzina qal li l-bdiewa ppoetstaw għad-drittijiet tal-poplu Malti biex dan jibqa’ jkollu ikel frisk. Hu spjega li l-bdiewa pprotestaw ftit ġimgħat ilu minħabba liġijiet tal-UE li l-gvern Malti naqas li jiddefendihom fuqhom. Il-liġijiet kienu jikkonċeraw li 10% tal-art agrikola ma tibqax tinħadem u l-liġi tal-farm to fork li tiffoka fuq il-bexx.


Il-gvern ma seta’ qatt jaċċetta dawn il-liġijiet fil-kuntest ta’ Malta, sostna Toni Bezzina, li spjega kif il-gvern ivota favuriehom fl-UE fejn fit-tieni liġi kien il-ministru stess li vvota favuriha.


Hu qal li l-gvern ma nnegozjax ċirkostanzi partikolari għal Malta iżda telaq lill-bdiewa għal rieħhom. Dan għaliex il-gvern jikkunsidra l-qasam agrikolu bħala industrija sekondarja. Il-PN jemmen li din l-industrija hi prijorità, sostna Toni Bezzina, li kompla li l-agrikoltura għandha tkun sostnuta.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li ma jistax ikun li l-importazzjoni tal-prodotti agrikoli tibqa’ bla kontroll filwaqt li l-awtoritajiet jimxu b’id iebsa mal-bdiewa Maltin.


Hu tkellem dwar l-użu tal-art u qal li flok qed ikunu ppremjati l-bdiewa, il-gvern qed jippremja lil dawk li jaħdmux l-art, anki fl-isfond tas-sussidju. Dwar il-liġi tal-kera, Toni Bezzina qal li mnkejja li din kienet inizjattiva tajba, żgur li ma kinitx biżżejjed għaliex ma sar xejn iktar.


Jeħtieġ li jkun hemm klassifikazzjoni tal-bdiewa biex dawk ġenwini jkunu aġevolati fuq il-bdiewa tal-passatemp. Irid isir katast tal-art tal-gvern, kif se jsir katast tal-art privata. Dawn għandhom isiru b’mod paralell. Il-bdiewa ma jifilħux iħallsu l-ammonti ta’ qbiela li bihom qed tingħata l-art. Hu appella biex l-art agrikola tkun ġestita mill-Ministeru tal-Biedja u s-Sajd għaliex dan ikun jaf il-prijoritajiet tas-settur.


Jeħtieġ li tingħata għajnuna fir-restawr tal-għelieqi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-bdiewa qed jitolbu wkoll li jkunu identifikati l-pajjiżi minn barra l-UE minn fejn ikunu qed jiġu importati l-prodotti. Il-bdiewa qed jappellaw biex meta jkun hawn prodotti agrikoli lokali biżżejjed f’Malta, għandha tieqaf din l-importazzjoni. Il-bdiewa qed jinsistu għal testijiet rigorużi għal dawk importati minn pajjiżi minn barra l-UE.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-bdiewa qed jappellaw biex minħabba l-ispejjeż ikun hemm sussidju fuq il-fertilizzant u għajnuna ikbar lil min juża l-magħlef. Il-bdiewa qed jitolbu wkoll li d-direttvi tal-UE ma jidħlux fis-seħħ qabel isiru l-istudju dwar l-effetti fuq il-bdiewa fil-kuntest tal-prodotti tal-bdiewa.


Waqt li semma’ l-korsijiet tal-veterinjarji f’Malta, Toni Bezzina qal li l-gvern issa qal li dawn il-korsijiet se jibdew isiru f’Malta. Jeħtieġ ikun speċifikat meta se jibdew il-korsijiet u jekk il-livell hux se jkun ekwivalenti għall-korsijiet li jsiru barra minn Malta.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar is-sajd u qal li hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni fl-evalwazzjoni tad-distribuzzjoni tal-kwoti nazzjonali tat-tonn. Hu qal li hemm sajjieda li jsostnu li t-tqassim tal-kwoti mhux se jkun ġust u kompla li għandu jkun assigurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni.


Toni Bezzina kompla li l-operat tas-sajjieda għandu jissaħħaħ u żied li s-sajd mhux prijorità għall-gvern. Hu qal li s-sajjieda huma nkwetati minħabba nuqqas ta’ protezzjoni fl-ibħra ‘l barra. F’ċertu okkażjonijiet is-sajjieda qed iħossu l-periklu minħabba li l-Istat mhux jipprovdilhom il-protezzjoni kollha neċessarja.
Hu tkellem dwar is-sajjieda dilettanti u qal li dawn huma preokuppati għaliex meta jkabbru d-dgħajjes dawn qed jitilfu d-dritt tal-irmiġġ.


Toni Bezzina tkellem dwar it-trasport u qal li Gvern Nazzjonalista wettaq proġetti kbar f’dan is-settur. Hu fakkar kif gvern Laburista kien jagħmel toroq inferjuri qabel l-1987 u qal li kien gvern Nazzjonalista li daħħal il-kunċett ta’ kif jinbnew it-toroq kif suppost wara l-1987.


Fl-istess ammont ta’ żmien ta’ 11 il-sena kemm ilu gvern Laburista mill-2013, gvern Nazzjonalista kien għamel diversi toroq ewlenin u residenzjali f’Malta u Għawdex u proġetti infrastrutturali madwar il-pajjiż kollu meta kien elett fl-1987.


Flok jipprovdi trasport alternattiv li jnaqqas it-trasport privat, il-gvern qed jiffoka biss fuq il-twessigħ tat-toroq bil-konsegwenza li qed jiżdiedu l-karozzi fit-toroq. Jeħtieġ li l-gvern jikkunsidra trasport tal-massa u jagħti kas il-proposti tal-PN ta’ light railway u dedicated lanes. Wara l-kritika kollha li għamel, il-gvern Laburista issa qed jattwa dan il-prinċipji fit-triq lejn iċ-Ċirkewwa, sostna Toni Bezzina.