Mijiet kbar tal-Ukreni qed ikunu sfurzati biex jivvutaw ‘bilfors’ fl-elezzjoni għall-Presidenza tar-Russja…Elezzjoni li fil-verità mhix tagħhom u meta l-Kremlin jemmen li l-Ukreni, b’dan il-vot, mhux talli se jappoġġjaw lil Vladimir Putin għal mandat ġdid ta’ Presidenza iżda anki juru li qegħdin ‘japprovaw’ l-invażjoni ta’ pajjiżhom mill-Armati tal-istess Putin.
It-Tmexxija f’Moska qed tmexxi kampanja kbira biex ‘toħroġ il-vot tal-Ukreni’ u meta l-vot nazzjonali, għall-ewwel darba, qed isir fuq tlett ijiem u bil-ħsieb li jikkonkludi sal-Ħadd.
Fl-istess ħin l-ewwel fażi tal-votazzjoni għall-Presidenza tar-Russja – li se tintrebaħ bilfors minn Putin — bdiet diġà fl-artijiet okkupati ta’ erba’ reġjuni fl-Ukrajna, li huma Zaporizhzhia, Kherson, Donetsk u Luhansk.
Ir-residenti Ukreni qed jilmentaw dwar sistema fejn residenti Ukreni bħalhom – kollaboraturi mal-Kremlin – qegħdin iduru minn dar għal dar ifittxu l-votanti u fejn huma qegħdin jingħataw skorta mis-suldati Russi.
Filwaqt li r-rebħa għal Vladimir Putin hi pjuttost ikkonfermata, il-Kremlin irid ‘turnout’ qawwi ħafna ta’ votanti bħala proċess li ‘jilleġitimizza’ t-tmexxija twila tal-President Russu.
Fil-fatt, Putin hu wieħed minn fost erba’ kandidati għall-Presidenza Russa – b’ħadd mir-rivali ma jista’ joffrilu sfida denja jew realistika. Dan ukoll meta l-akbar kritiċi tal-President li qatt ma ddejqu jikkundannawh għall-politika tiegħu spiċċaw eżiljati, mitfugħin il-ħabs, inkella mejtin.
Il-votazzjoni għall-Presidenza tar-Russja, qabel,kienet tibda kmieni qalb iz-zoni u reġjuni tal-pajjiż – iżda r-Russi, issa, qalu li l-proċedura qed tkun estiża lejn dawk l-erba’ reġjuni tal-Ukrajna għal ‘raġunijiet ta’ sigurtà’.
U filwaqt li l-awtoritajiet fir-reġjuni okkupati waqqfu sistema ta’ postijiet fejn in-nies jistgħu jmorru jivvutaw, ir-residenti mhumiex , fil-fatt, rikjesti li jmorru hemmhekk. Dan għamliex ir-Russi, flimkien mal-kollaboraturi, qegħdin jagħżlu li jduru bieb bieb bħala forma ta’ intimidazzjoni – u bl-iskuża li ‘huma qegħdin jibżgħu għan-nies waqt sitwazzjoni ta’ periklu minħabba l-gwerra’.
F’dawn iż-żjarat, il-kollaboraturi qegħdin jiġbru l-informazzjoni personali tan-nies biex jibnu ‘profil tal-votant’ u kemm-il darba qegħdin jieħdu wkoll il-filmati tal-individwi – irrispettivament minn jekk dawn iridux jew le.
Fil-verità, l-Ukreni diġà spiċċaw taħt pressjoni konsiderevoli biex jaċċettaw il-passaporti tar-Russja – madankollu, il-passaporti stampati fl-Ukrajna, issa, qed ikunu aċċettati ‘xorta’ bħala provi ta’ identifikazzjoni u bil-ħsieb li jitħaffef il-proċess tal-votazzjoni ‘għal Putin’.
//= $special ?>