Lokali Qorti Saħħa

L-Avukat tal-Istat jikkonferma li kienet il-kumpanija Steward illi fetħet l-arbitraġġ, mhux il-Gvern

L-Avukat tal-Istat Chris Soler qal li kien Steward li fetaħ l-arbitraġġ u mhux il-Gvern ta’ Malta.

Dwar il-funzjonijiet tiegħu qal li l-liġi tagħtih is-setgħa li jaġixxi meta mitlub u li dan joħroġ mil-liġi. Hu qal ukoll li għandu funzjonijiet prinċipali u funzjonijiet addizzjonali u tenna li hu ma ħax passi wara l-għoti tas-sentenza tal-Vitals, għax dawn il-passi għandu jeħodhom il-Gvern, aktar u aktar meta l-Gvern wera ċar li ma kienx se jappella mis-sentenza.

L-Avukat Soler qal iżda, li l-liġi ma tagħtihx is-setgħa biex jieħu passi kif qed titlob il-kawża iżda xorta għamel affarijiet oħra li ma jistax jiżvelahom għax marbut bis-sigriet, iżda qal li saru kontro talbiet fl-arbitraġġ. Hu tenna li hu m’għandux il-funzjoni tal-Avukat Ġenerali jew tal-Kummissarju tal-Pulizija u m’għandux is-setgħa li jinvestiga.

“Meta marbut naġixxi, ħadt ma jindaħalli, imma fejn ma nistax, ma naġixxix,” qal Soler. Dan irriżulta meta l-Erbgħa filgħodu bdiet tinstema’ l-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppiżizzjoni Bernard Grech kontra l-Avukat tal-Istat Chris Soler biex jinġiebu lura l-€400 miljun li l-pajjiż ħallas mingħajr ma sar l-ebda investimet fi tliet sptarijiet f’Malta u Għawdex.

Il-kawża kienet kemxejn sħuna bil-Qorti thedded li tista’ tiddiferixxi l-kawża jekk ir-ras tkompli tisħon. Dan wara li kien hemm xi punti legali li l-partijiet ma bdewx jaqblu magħhom.

L-Avukat Edward Debono, li qed jidher għall-PN, talab lill-Avukat tal-Istat biex jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda biex iwieġeb il-mistoqsijiet tiegħu. L-Avukat Soler qal li hu għandu l-indipendenza kostituzzjonali u jrid jara li jaqdi l-funzjoni ta’ avukat tal-istat skont il-liġi.

Ippressat mill-Avukat Debono, l-Avukat Soler qal: “passi ma niħux jien u li ma ħadtx azzjoni għax ma nistax. Madankollu, għamilt li stajt fejn kellimt lil Eks Imħallef Anthony Borg Barthet li gawda r-rispett taħt diversi amministrazzjonijiet u li dan qalli wkoll li ma nistax immur barra mir-remit tiegħi.”

Fuq mistoqijiet oħra dwar jekk għamilx xi ħaġa fil-konfront ta’ Joseph Muscat jew Konrad Mizzi, Soler qal li ma seta’ jagħmel xejn, u li ma seta’ jagħmel xejn fuq kwalunkwe persuna, għax m’għandux il-poter f’dan l-ambitu.

Għal diversi drabi qal li jista’ jaġixxi biss meta l-liġi tagħtih is-setgħa jew meta jkun mitlub jagħti parir legali. Qal li huwa Avukat tal-Gvern, u li jaġixxi fi kawżi meta jkun hemm kawża kontrih u jħares l-interessi tiegħu u jieħu direzzjoni mill-klijent tiegħu. Il-funzjoni supplementari li huwa għandu fl-għoti ta’ pariri legali jrid jaġixxi fl-interess pubbliku.

Tenna li jista’ jagħti pariri legali lil organi oħra, bħall-President ta’ Malta, lill-Ispeaker u lill-Parlament meta jkun mitlub jattendi seduta fuq xi abbozz ta’ liġi. Huwa jaġixxi wkoll f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-interess pubbliku.

Tenna li hu ma jieħu ordnijiet mingħand ħadd u li għandu dmir li jaġixxi. “Ħadd ma jgħidli biex naġixxi għax il-liġi titkellem waħedha li nista’ naġixxi wkoll meta mitlub minn awtorità oħra,” huwa qal. Mitlub biex jieħu azzjoni ċivili kontra terzi, il-liġi tagħtih setgħa li jaġixxi ċivilment ukoll.

Qal li madankollu, hu jista’ jagħti parir lill-Gvern u jagħżel li ma jiħdux. Fuq mistoqsija oħra tal-Avukat Debono, Soler qal li għamel dak li kellu jagħmel mill-arbitraġġ li sar minn Steward kontra l-Gvern ta’ Malta. Kontra nies oħra fejn indikati li kienu frawdolenti, kontra nies oħra jekk ħax azzjoni ċivili, qal li mkien ma semmew persuni u anke kieku ssemmew, ma kellux setgħa li jieħu azzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża fil-Qrati Maltin biex l-Avukat tal-Istat Christopher Soler ikollu l-awtonomija meħtieġa minnu biex ikun jista’ jwettaq ix-xogħol li hu obbligat li jwettaq f’isem il-poplu Malti u Għawdxi u “jinġiebu lura l-€400 miljun misruqa mill-isptarijiet.” 

Preżenti fl-Awla 23 tal-Qorti, kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia u mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.  Preżenti wkoll il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.

L-avukati Edward Debono u Nicholas Debono qed jassistu lil Grech u Delia. L-Avukat tal-Istat Chris Soler, flimkien mal-avukati James D’Agostino u Julian Farrugia, irrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, filwaqt li l-avukati Ian Borg, Maurizio Cordina u Chris Cilia rrappreżentaw lill-Gvern u lill-Kabinett tal-Ministri.  

Il-każ ikompli fil-5 ta’ April għall-provi tal-Avukat tal-Istat fid-9.30am.