Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Jinfetħu rotot għall-għajnuna…mill-art u bil-baħar

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li, għall-ewwel darba fi tlett ġimgħat, bdiet tintuża rotta tal-art ġdida biex jitwassal l-ikel lir-residenti disprati fin-naħat ta’ fuq ta’ Gaza. D

an meta sitt trakkijiet tal-World Food Programme qasmu lejn Gaza minn aċċess partikulari mal-fruntiera u bħala parti minn pjan biex il-kunsinni ma jispiċċawx f’idejn it-terroristi tal-Ħamas li għandhom il-bażijiet fl-inħawi.

Ir-rotta nfetħet mill-ġdid fost il-pressjoni kbira fuq Iżrael biex jippermetti għall-movimenti ta’ aktar għajnuna lejn it-territorji tal-Palestinjani. Dan fost sogru kbir li l-Palestinjani f’Gaza se jmutu bil-ġuh waqt li l-Armata tirranka l-offensiva fuq il-Ħamas.

Fl-istess ħin, kienet inawgurata rotta tal-baħar minfejn tista’ ukoll  titwassal l-għajnuna lin-nies fit-territorji Palestinjani – bl-ewwel dgħajsa ta’ fejda mistennija tasal qrib Gaza proprju llum.

Min-naħa tagħha, in-Nazzjonijiet Uniti qalet li ma hemm l-ebda ‘vera alternattiva ‘ għar-rotot tal-art u l-punti tal-aċċess minn Iżrael għal Gaza fi żmien delikat għall-familji Palestinjani.

Iżda Iżrael insista li ma jeżistux limiti għall-ammonti tal-għajnuna li jistgħu jaslu f’Gaza mill-art waqt li akkużat lill-aġenziji tan-NU b’li qed ifallu milli jiddistribwixxu l-provvisti lill-Palestinjani b’mod effiċjenti.