Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ omiċidju involontarju f’inċident tat-traffiku fil-Ħamrun

Sewwieq ta’ 27 sena ma nstabx ħati ta’ omiċidju involontarju ta’ sewwieq ta’ mutur f’inċident tat-traffiku fl-2017 wara li l-Qorti ddeċidiet li l-vittma kellu t-tort tal-inċident li swielu ħajtu.

Benjamin Schembri, mill-Ħamrun, instab mhux ħati li qatel lis-sewwieq ta’ mutur ta’ 60 sena Paul Fenech minn Birkirkara f’inċident tat-traffiku f’raħal twelidu fid-9 ta’ Novembru 2017. L-inċident kien seħħ fi Triq il-Kbira San Ġużepp, fl-10.50pm.

Il-ħabta kienet bejn mutur Honda misjuq minn Fenech, u BMW misjuqa minn Schembri. Fl-inċident kienet involuta wkoll Citroen C3 b’mara ta’ 60 sena mis-Swieqi li kienet qed issuq. Il-vittma, li kien sejjer lura d-dar wara li temm ix-xift tiegħu fil-Malta Dairy Products, ittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei b’ambulanza iżda ġie ċċertifikat mejjet.

Schembri ġie mixli li kkawża l-mewt ta’ Fenech b’negliġenza, sewqan perikoluż u veloċità eċċessiva. Iżda l-Maġistrat Nadine Sant Lia ddeċidiet li Schembri ma setax jinstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih minħabba li l-provi u l-verżjonijiet ta’ diversi xhieda okulari wrew li ma kienx hu t-tort tal-inċident.

Il-Qorti semgħet lil Schembri jispjega li sewwieq ta’ mutur ħareġ f’daqqa minn sqaq u dritt fit-triq, u ma tahx ħin biex jimmanuvra. “Kollox ġara fi frazzjoni ta ‘sekonda,” qal lill-Qorti. Qal li waqaf jixtri xarba minn takeaway fil-qrib u kien għadu kemm telaq mill-post tal-parkeġġ tiegħu, u għalhekk ma setax kien qed isuq daqshekk malajr. Kien fi triqtu lejn il-Belt Valletta biex jiltaqa’ ma’ xi ħbieb. Il-verżjoni tiegħu ġiet ikkorroborata mill-passiġġier tiegħu, Leon Azzopardi.

Il-BMW, wara li laqtet lis-sewwieq tal-mutur, spiċċat daħlet f’Citroen li kienet ġejja min-naħa ta’ quddiem, u weġġa’ lis-sewwieqa u lill-passiġġieri tagħha. Inkjesta maġisterjali dwar l-inċident kienet ikkonkludiet li Schembri kien qed isuq b’veloċità eċċessiva u tilef il-kontroll tal-BMW tiegħu wara li laqat li s-sewwieq tal-mutur ħabat f’żewġ vetturi oħra.

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili attribwit tliet kwarti tat-tort tal-inċident lil Fenech, u kkonkludiet li fuq il-bażi tal-ġurisprudenza prevalenti, ir-responsabbiltà tal-imputat għall-inċident kienet żgħira meta mqabbla mar-responsabbiltà tas-sewwieq tal-mutur.

Filwaqt li kien minnu li x’aktarx il-BMW kienet qed tinstaq b’veloċità eċċessiva, li xekkel lis-sewwieq milli jieħu azzjoni evażiva meta tfaċċa s-sewwieq tal-mutur, l-inċident ma kienx għal kollox tort tiegħu. Il-Qorti tal-Maġistrati qablet ma’ dawn il-konklużjonijiet u qalet li l-Pulizija ma ppreżentawx biżżejjed evidenza biex tipprova l-akkużi kriminali lil hinn minn dubju raġonevoli.

Hija kkonkludiet li l-ebda prova ma wriet l-intenzjoni tal-imputat li jwettaq ir-reat inkwistjoni. Is-sewwieq tal-BMW ħabat ma’ karozzi oħra għax kien ipprova jevita impatt mas-sewwieq tal-mutur li ħareġ f’daqqa minn sqaq u fi triq prinċipali.

Għalhekk, ħelsitu mill-akkużi kollha miġjuba kontrih.

L-Ispettur tal-Pulizija Elliot Magro mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu l-avukati difensuri.