Sport Sport Ieħor

Pickleball: Prestazzjonijiet mill-aqwa mit-timijiet Maltin fil-kompetizzjoni Internazzjonali li saret f’pajjiżna

Fi tmiem il-gimgħa li għaddiet, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pickleball organizzat l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali f’Malta ġewwa l-kulleġġ ta’ De la Salle fil-Birgu.

Fil-kategorija ta’ l-età ta’ 19+, it-tim nazzjonali Malti rebaħ lit-timijiet tal-Italja, l-Ingilterra u l-Kanada. It-tim Malti rnexxielu jispiċċa rebbieħ wara finali mill-iktar missielta kontra l-Ungerija. Bil-Maltin 3-2 minn fuq, kollox kien jiddependi mil-logħba tad-doubles tal-irġiel fejn it-tim Malti spiċċa rebbieħ 15-11, biex b’hekk it-tim nazzjonali Malti spiċċa fl-ewwel post.

It-tim Malti 19+ kien magħmul minn 4 nisa u 4 irgiel li huma:
Steffi Pace Girard, Roberta Pace Girard, Maja Glumac, Kristine Micallef Ampong, Maurizio Cappello, Mark Anastasi, Joseph Allis u Malcolm Falzon.

Fil-kategorija tal-eta tal-50+ Malta u l-Ingilterra waslu għall-finali wara rebħiet fuq il-Kanada, l-Italja u l-Ungerija. B’xorti hażina fil-finali plejer Ingliż weġġa gravi u kellu jirtira mil-loghob.

L-organizzaturi Maltin iddeċidew li kemm Malta kif ukoll l-Inglizi għandhom jaqsmu l-ewwel post flok li jigi aċċettat walk-over, ġest li ntlaqa’ b’applaws kbir mill-kontinġenti barranin.

It-tim Malti 50+ ukoll kien magħmul minn 4 nisa u 4 irġiel:
Christine Muscat, Nathalie Bonello, Tania Cluett, Rachelle Spiteri, Karl Falzon, Victor Sciberras, Guido Pace u Ray Grixti.

It-tim Malti kien immexxi minn Steffi Pace Girard li kienet introduċiet il-Pickleball ġewwa Malta fl-2018.